L-ASTRA FOLK GROUP F’BUDAPEST
Nhar il-Ħamis li għadda, il-grupp folkloristiku Astra, beda żjara ta’ disat ijiem f’Budapest l-Ungerija, fejn ser jieħu sehem f’festival internazzjonali tal-folklor. Il-grupp ħalla gżiritna fis-siegħat bikrin tal-Ħamis 30 t’April, fejn mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta telaq b’titjira lejn Vienna. Minn hemm imbagħad qabad titjira oħra lejn Siofok l-Ungerija.
Għall-grupp folkloristiku Astra din ser tkunu r-raba’ mawra konsekuttiva f’dawn l-aħħar erba’ snin. Fil-fatt, mill-2006, il-grupp żar Lecce u Carpineto Romano, l-Italja, u Billingham l-Ingilterra, fejn ħa sehem f’numru ta’ festivals prestiġjużi. Din is-sena l-grupp ġie mistieden biex jieħu sehem f’festival ieħor folkloristiku ġewwa l-Ungerija. Din ser tkun l-għoxrin darba li l-grupp ser jagħti spettaklu barra minn xtutna mill-1974 ‘l hawn. Dik is-sena l-grupp kien żar Cambridge l-Ingilterra.
Il-kontinġent tagħna huwa mmexxi mis-sur Anton Zammit, direttur tal-grupp, u s-sur George Farrugia li jieħu ħsieb il-vestwarju tal-grupp. Minn din il-paġna nawguraw kull suċċess lill-grupp tagħna matul din l-esperjenza f’Budapest. Aktar aġġornamenti u ritratti fil-jiem li ġejjin.