L-ASTRA FOLK GROUP F’BILLINGHAM
Illum is-Sibt 2 t’Awwissu jiġi fi tmiemu l-festival internazzjonali tal-folklor ġewwa Billingham, l-Ingilterra, fejn kif tafu l-grupp folkloristiku Astra qed jirrapreżenta lil pajjiżna. Il-bieraħ għamel kuntatt magħna s-sur Anton Zammit li huwa d-direttur ta’ dan il-grupp fejn qalilna li l-grupp sejjer tajjeb ħafna, f’din il-ġimgħa li kienet waħda tassew impenjattiva għall-grupp folkloristiku tagħna.
L-Astra Folk Group minbarra li ta diversi spettakli matul din il-ġimgħa bħala parti minn dan il-festival folkloristiku, kellu wkoll numru ta’ impenji oħra, fejn fost l-oħrajn iltaqa’ mas-sindku tal-belt ta’ Stockton. F’din l-okkażjoni importanti saru wkoll xi preżentazzjonijiet ta’ tifkira. Xi membri tal-grupp immexxija minn Anton Zammit kellhom ukoll ikla mas-sindku ta’ din il-belt flimkien ma’ xi rappreżentanti ta’ gruppi folklorisitiċi oħra li qed jipparteċipaw.
Il-grupp għamel żjara qasira wkoll f’Londra kif ukoll ġewwa Edinburgh fl-Iskozja. L-Astra Folk Group sab ukoll il-ħin li jattendi quddiesa propju nhar il-Ħadd li għadda, u l-mużiċisti tal-grupp ipparteċipaw f’din il-quddiesa billi daqqew xi innijiet reliġjużi.
Avveniment mill-aktar importanti f’din il-mawra f’Billingham kien ”Il-Lejla Maltija” organizzata mill-grupp tagħna, li għaliha ġew mistiedna l-gruppi kollha parteċipanti – serata li damet sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, b’kant u żfin tradizzjonali Malti u aktar, kif tistgħu taraw mir-ritratti. M’hemmx dubju li l-grupp tagħna għamel reklam qawwi għal pajjiżna, u żgur li dan huwa ta’ unur kbir għas-Soċ. Filar. La Stella li tagħha jifforma parti dan il-grupp. L-Astra Folk Group jiġi lura pajjiżna nhar it-Tnejn li ġej u ovvjament dakinhar inkunu nistgħu ngħaddulkom aktar tagħrif dettaljat dwar din il-mawra mill-isbaħ fl-Ingilterra.
ritratti: JJP Zammit
02/08/2008