KXIF TAL-MONUMENT F’ĠIEĦ IL-PROF. JOSEPH VELLA
Ċerimonja fil-Villa Rundle
Il-bieraħ, 9 ta’ Marzu 2019, il-Banda Ċittadina La Stella kienet mistiedna tipparteċipa fl-okkażjoni tal-kxif tal-monument ad unur il-Professur Joseph Vella fil-Villa Rundle. L-avveniment, li kien organizzat mill-Ministeru għal Għawdex u d-dipartiment tal-Kultura, kien jinkludi marċ mill-banda tagħna, mill-każin La Stella sal-Villa Rundle. Matul il-marċ indaqqu diversi kompożizzjonijiet tal-Prof Vella. Il-Banda Ċittadina La Stella kienet akkumpanjata mill-kumitat immexxi mill-President Michael Formosa, il-Viċi President Dr Chris Mizzi, s-Segretarju Matthew Zammit, is-Surmast Direttur Dr John Galea, familjari tal-Prof Joseph Vella u diversi membri tal-kumitat.
L-avveniment kien jinkludi diversi diskorsi dwar il-ħajja u s-suċċessi tal-Prof. Joseph Vella, fostom, diskors mill-Kav. Paul M Cassar, bħala rappreżentant tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, u l-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana. Waqt iċ-ċerimonja indaqqu diversi biċċiet mużikali tal-Prof Vella minn rappreżentanza tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta. Għal din iċ-ċerimonja attendew diversi persuni distinti, fostom il-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana, L-E.T. Mons Joseph Vella Gauci, l-kumitat tas-Soċjeta Filarmonika La Stella immexxija mill-President Michael Formosa, l-Arċipriet Mons Joseph Curmi, l-Assistent Surmast Sigmund Mifsud, is-Sur Anton Tabone, bosta uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, l-iskultur Joseph Scerri, bosta ħbieb u ex-kollegi tal-Prof Joseph Vella u naturalment il-familjari tiegħu.
Waqt il-kxif tal-monument il-Banda Ċittadina La Stella daqqet “Dejjem f’qalbna” (kompożizzjoni tal-Prof Vella) taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea. Wara, tpoġġew diversi kuruni u bukketti ta’ fjuri mill-persuni distinti li attendew għaċ-ċerimonja.
Żjara mill-familja tal-Prof. Joseph Vella fil-Każin La Stella
Aktar tard matul il-jum, ulied il-Prof. Joseph Vella żaru il-każin La Stella fejn ġew milqugħa mill-President Michael Formosa, is-Surmast Direttur Dr John Galea u diversi membri tal-kumitat. Waqt iż-żjara, l-familjari tal-Prof Vella irringrazzjaw l-Banda Ċittadina La Stella tas-sehem tagħha matul iċ-ċerimonja. F’isem il-kumitat, is-Sur Formosa ta tifkira tal-okkażjoni lill-ulied il-Prof. Joseph Vella.
Ma hemmx dubju li l-Banda Ċittadina La Stella se żżomm ħajja l-memorja tal-Prof Joseph Vella billi tkompli ddoqq il-kompożizzjonijiet meraviljużi tiegħu u li jarrikkixxu l-arkivju mużikali tagħha.