Join Us On:

News Archive

KUNĊERTI MINN ŻEWĠ BANDISTI TAGĦNA

Xhieda tat-talent mużikali li tħaddan fiha s-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, huma żewġ kunċerti mill-aqwa li fihom daqqew żewġ bandisti tagħna: George Camilleri (Ewfonju) u George Apap (Klarinett).
 
George Camilleri daqq f’kunċert nhar il-Ġimgħa 17 ta’ April fiċ-ċentru għall-kultura u l-arti fiċ-Ċittadella, fejn esegwixxa xogħlijiet mill-isbaħ ta’ Benedetto Marcello; Peter Graham; Joseph Horovitz; Pablo Sarasate u Ennio Morricone. Huwa kien akkumpanjat fuq il-pjanu minn Dr John Galea. 

George Apap ġie mistieden biex itella’ Lunchtime concert.nhar l-Erbgħa 13 ta’ Mejju fis-Sala Isouard, it-Teatru Manoel. Huwa esegwixxa xogħlijiet tal-kompożituri Brittaniċi Gerald Finzi u Joseph Horovitz. George kien akkumpanjat fuq il-pjanu minn Yvette Galea. Din ma kinitx l-ewwel darba li fiha daqqew bħala solisti dawn iż-żewġ bandisti.


George Camilleri li għandu 37 sena beda l-istudji tiegħu ta’ età żgħira mas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Huwa kompla l-istudji tiegħu taħt il-gwida ta’ Paul Borg u Lawrence Borg, fejn imbagħad kiseb id-diplomi ALCM, LLCM u aktar ‘il quddiem il-Fellowship diploma mal-London College of Music. Fl-aħħar sentejn George kompla bl-istudji tiegħu fl-Ingilterra taħt il-gwida ta’ David Thornton (Għalliem tal-Euphonium fir-Royal Northern College of Music). Fl-1998, George rebaħ il-Young Musician Competion organizzata mill-Malta Society of Arts and Manufacture. Illum George jgħallem it-teorija tal-mużika u strumenti tar-ramm f’diversi soċjetajiet mużikali fi gżiritna.
 
George Apap, li għandu 25 sena, beda l-istudji tiegħu mas-Soċjetà Filarmonika La Stella fl-età żgħira ta’ sitt snin taħt il-gwida tal-mibki Joseph Bezzina. Huwa kompla l-istudju fit-teorija u l-prattika f’Malta taħt il-gwida ta’ Lawrence Borg u Noel Beck, fejn f’dawn l-aħħar snin irnexxielu jikseb id-diplomi ALCM u LLCM tal-London College of Music. George kellu wkoll esperjenza man-National Youth Orchestra of Malta. Fl-2005, George gradwa bħala għalliem tal-mużika mill-Università ta’ Malta. Illum jgħallem is-suġġett f’wieħed mill-kulleġġi statali f’Malta. F’dawn l-aħħar snin George flimkien ma’ Noel Beck għallmu s-sezzjoni tal-qasba u t-teorija fl-iskola tal-mużika tas-Soċjetà tagħna.
 
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lil dawn iż-żewġ bandisti tagħna; nawgurawlhom aktar suċċess fil-karriera mużikali tagħhom u nagħmlu appell biex il-bandisti żgħażagħ tagħna jieħdu eżempju minn dawn il-bandisti, biex jiksbu suċċess huma wkoll għalihom u għas-Soċjetà tagħna li storikament dejjem kellha mużiċisti ta’ isem.