KUNĊERT TAL-MILIED MILL-BANDA ‘LA STELLA’
L-aħħar impenn tas-sena 2010 għall-banda ċittadina La Stella huwa proprju l-kunċert tal-Milied li ser isir nhar is-Sibt li ġej 18 ta’ Diċembru fi Pjazza Indipendenza, fil-belt Victoria. Dan il-kunċert qed isir fuq stedina tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria.
Għal dan il-kunċert, li ser isir taħt tinda kbira armata apposta mill-kunsill lokali, għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u tal-ewwel tas-sena, il-banda preparat numru ta’ siltiet mużikali b’rabta ma’ dan iż-żmien partikolari tas-sena. Iżda wara s-suċċess grandjuż li l-banda kellha fil-programm annwali tagħha, proprju erba’ ġimgħat ilu, għażilna wkoll xi siltiet li ndaqqu wkoll f’dan il-kunċert fosthom: l-overture mill-opra Rienzi ta’ Wagner; Free World Fantasy ta’ Jacob de Haan; kif ukoll is-silta mill-isbaħ Walking on Music ta’ Roger Deronge bil-protagonista George Camilleri, solista bl-Ewfonju.
Ma jistax jonqos li f’kunċert bħal dan, il-banda li ser tkun taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof. Joseph Vella, ssemmgħalna wkoll xi siltiet popolari tal-Milied u għalhekk ġew magħżula numru ta’ arranġamenti mużikali mill-isbaħ fosthom: Caro Gesu Bambino u O Holy Night, it-tnejn fuq arranġament għall-banda ta’ Ray Sciberras; Sinfonia Pastorale fuq arranġament ta’ E. Galea; u Christmas Finale b’arranġament ta’ Paul Jennings.
Il-kunċert mużikali tal-Milied jibda fis-7.30pm u għalih kulħadd huwa mistieden.