KUNĊERT ĊELEBRATTIV FIL-KON-KATIDRAL TA’ SAN ĠWANN
Din is-sena s-Surmast Professur Joseph Vella jagħlaq 70 sena. infatti f’dawn l-aħħar xhur saru diversi kunċerti ta’ xogħolijiet tiegħu sew hawn Malta, u sew barra minn Malta. Dawn tal-aħħar jinkludu żewġ kunċerti ġo Pariġi, żewġ kunċerti ġo Salzburg , l-Awstrija u tlett kunċerti ġewwa l-Italja, Pistoia, Collodi u Milan. Ta’ min jindika wkoll ir-recording tal-kunċert tiegħu għall-Cornet u Brass Band, minn mużiċisti Franċiżi, li sar ġewwa Creteil, qrib Parigi; il-kummissjoni mill-Fondazione Nazionale Collodi għall-xogħol ġdid Pinocchio in Musica , li kellu wkoll il-premier l-Italja, u l-lecture pubbliku li ta s-surmast Vella dwar il-kompożizzjonijiet u l-attivitajiet professjonali tiegħu ġewwa l-Università ta Salzburg,
Il-kunċert tat-23
ta’Novembru se jsir bħala l-kulminu mużikali ta’ dawn l-attivitajiet. Fih se jiġu eżegwiti żewġ xogħolijiet maġġuri b’xejra sagra, tas- surmast Vella, jiġifieri Domine Jesu Christe, u s-Sinfonija No 3 sotto-titolata – The Apocalypse Verses, u dawn bil-parteċipazzjoni tas-Sopran Maria Frendo, it-tenur Cliff Zammit Stevens, il-Kor Laudate Pueri tal- Bażilika ta’ San Ġorġ, Għawdex, u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, ilkoll immexxija mill-kompożitur innifsu.Billi dan il-kunċert se jsir propju lejliet l-Ordinazzjoni tal-Isqof Awżiljarju, il-Mgr Charles J. Scicluna, l-okkażjoni hija wkoll dedikata u se tindaqq fil-preżenza tiegħu. Infatti, minbarra awtoritajiet lokali, fost l-udjenza huma mistennija diversi mistednin li ġejjin apposta għas-serata. Fost dawn se jkun hemm xi ħames Isqfijiet u tal-anqas Kardinal.