Join Us On:

News Archive

KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

Nhar it-tnejn 25 ta’ Marzu 2024, il-Banda Ċittadina La Stella esegwiet kunċert ta’ mużika sagra taħt id-direzzjoni ta Mro. Dr. John Galea ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-banda li kienet magħmula minn madwar sittin mużiċist daqqet sensiela ta’ marċi funebri li bosta minnhom kienu ġodda fjamanti u instemgħu għal ewwel darba f’din l-okkażjoni. Il-marċi kienu esklussivament komposti minn kompożituri Għawdxin, li bi pjaċir ngħidu, fil-maġġoranza tagħhom kienu mużiċisti li fil-preżent jifformaw parti mill-banda tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Ġew eżekwiti wkoll siltiet rinomati klassiċi mir-repertorju mużikali ċinematografiku.

Il-marċi indaqqu f’din l-ordni: Lill-Għażiż Missieri – Mro.Sunny Galea kompożizzjoni ta’ Mario Galea, In memoriam Richard Ellis ta’ Prof. Joseph Vella, In dulcis memoriam – Carmen Attard, In loving memory – Loriel Graziano ta’ George Borg, B’tifkira lill-ħabib George Grech ta’ Dr. John Galea, B’tifkira ta’ Giorgio u Fortunata Mizzi ta’ George Camilleri, In memoriam George Debono ta’ George Apap u L-Aħħar tislima lil Ġorġ Attard ta’ Stephen Attard.

L-ewwel silta ta’ mużika klassika kienet dik wisq popolari fi żmien ir-randan: Pieta’ Signore ta’ Alessandro Stradella. Solisti f’din il-biċċa kienu: Robert Buttigieg fuq it-tromba u Ino Attard fuq l-Althorn. Wara kien hemm it-tema kommoventi tal-film Schindler’s list (1993), kompożizzjoni tal-leġġendarju John Williams. Oriġinarjament indaqqet minn vjolin solo flimkien mal-orkestra, iżda f’dan il-kunċert indaqqet mis-solista Mario Galea fuq il-klarinett akkumpanjat mill-banda. Silta oħra, li kkonkludiet din is-serata, kienet selezzjoni mill-mużika tal-film ċelebri The ten commandments (1956). Din kienet biċċa xogħol kolossali tal-kompożitur Amerikan Elmer Bernstein.

Introduċa kull silta n-nutar Dr. Paul Pisani li fl-aħħar irringrazzja lill-udjenza preżenti, fosthom is-sindku u l-kunsillier preżenti tal-kunsill tal-belt Victoria, lill-president u s-segretarju tas-Soċjeta Filarmonika La Stella u lir-rapreżentant tal-Kapitlu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ. Huwa ta ħajr lis-surmast u l-bandisti tal-isforzi tagħhom sabiex dan il-kunċert jirnexxi.

F’din l-okkazzjoni ġie mżanżan standard ġdid fir-rakkmu tal-Banda La Stella, regalat u maħdum mill-familja ta’ George J. Casssar

Ritratti: Joe Attard