KUNĊERT TA’ JUM IR-REPUBBLIKA MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA
Nhar it-Tlieta 20 ta’ Diċembru fis-7pm se jsir kunċert mill-Banda Ċittadina La Stella ġewwa Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika. Il-kunċert se jkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta l-E.T. Dr George Vella.
Il-Banda Ċittadina La Stella se tkun taħt it-tmexxija tas-Surmast Direttur Dr John Galea u waqt il-kunċert se jiġu esegwiti biċċiet varjati. Il-biċċiet li se jindaqqu jinkludu kompożizzjoni tas-Surmast Dr John Galea, tal-Prof. Joseph Vella, ta’Vincenzo Ciappara kif ukoll biċċiet mużikali miktuba għaċ-ċinema minn Ennio Morricone.
Dan il-kunċert huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden jattendi. Il-kunċert qiegħed isir bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għal Wirt Kulturali.