Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MILL-ALLJIEVI TAL-BANDA

IMG_3347

Wara is-suċċess miksub is-sena l-oħra, is-Soċjetà Filarmonika La Stella ser terġa ittella’ s-serata ta’ Jum il-Gradwazzjoni.

Waqt din is-serata l attenzjoni prinċipali tiddevja minn fuq il-banda ingenerali u ddurr fuq l-alljievi tal-Banda La Stella. Waqt din is-serata li tieħu forma ta’ kunċert, naraw għadd sabiħ ta’ bandisti ġodda li l-maġġoranza tagħhom huma żgħażagħ jesegwixxu siltiet mużikali għall-ewwel darba quddiem udjenza. Is-siltiet mużikali li ser jindaqqu jvarjaw minn dwetti għal-solos, kif ukoll biċċiet mużikali li jkunu akkumpanjati mil-pjanu.

B’novità mis-serata tas-sena l-oħra, waqt dan il-kunċert ser jieħu sehem ukoll il-kor tat-tfal tat-Teatru Astra ‘Piccole Stelle’, li ser ikun taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai. Is-Soċjeta Filarmonika La Stella tħossha kburija ferm b’dawn it-tfal u żgħażagħ li minn eta’ żigħra jagħtu kontribut u juru ġibda u mħabba lejn is-Soċjeta Filarmonika La Stella. Għaldaqstant, is-Soċjeta Filarmonika La Stella tistieden mhux biss lil familjari ta’ dawn l-alljievi imma ukoll lil partitarji inġenerali tagħha sabiex jiġu bi ħġarhom u jagħtu l-appoġġ u s-sostenn tagħhom lil dawn l-alljievi li wara kollox huma l-futur tas-Soċjeta mużikali tagħna.

Is-serata ta’ Jum il-Gradwazzjoni hi skedata għal nhar is-Sibt 25 ta’ April ġewwa l-każin tal-banda La Stella, tibda fit-8p.m u d-dħul huwa b’xejn.

(Ritratt: Toni Farrugia)