Join Us On:

News Archive

KUNĊERT F’JUM L-INDIPENDENZA MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

Sabiex jiġi iċċelebrat id-disgħa u ħamsin anniversarju mill-kisba tal-indipendenza ta’ Malta, nhar il-ħamis 21 ta’ Settembru 2023, il-Banda La Stella esegwiet kunċert mużikali fi  pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria. Din l-istedina waslet mill-kumitat festi nazzjonali u reġjonali fi ħdan il-ministeru għal Għawdex. L-attendenza tal-publiku kienet waħda tassew numeruża. Preżenti kien hemm il-Ministru għal Għawdex l-Onor.Clint Camilleri, ir-rappreżentant ewlieni tal-ministeru tal-anzjanita’ attiva, membri parlamentari, l-ambaxxatur u chairman tal-kumitat ċelebrazzjonijiet reġjonali u nazzjonali, is-sindku u diversi kunsilliera tal-kunsill tal-Belt Victoria u l-president, s-segretarju u bosta membri fost il-kumitat tas-soċjeta’ La Stella. Id-direzzjoni mużikali kienet f-idejn id-direttur tal-banda Mro. Dr. John Galea. 

Is-Serata fetħet b’introduzzjoni tal-qari tal-poeżija Tislima lill-bandiera Maltija tal-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani. Il-qari sar proprju minn ibnu n-nutar Paul Pisani. Il-programm beda bl-Inno La Stella ta’ Mro. Giuseppe Giardini Vella u Innu lil Għawdex ta’ Prof. Joseph Vella. Is-siltiet fil-programm kienu Overture no.1 ta’ Mro. Sunny Galea, La Traviata ta’ Giuseppe Verd (selezzjonijiet mill-opra), L-overtura tal-opra Giovanna d’Arco ta’ Giuseppe Verdi, Fanfares for an occasion ta’ Mro. Joseph Vella u Ammerland ta’ Jacob de Hann. Il-kunċert kien tassew sfida għall-banda meta tqis il-livell tant impenjattiv tas-siltiet mużikali u iż-żmien pjuttost qasir li fih twettqu l-provi. Hajr tassew imur ghall-mużiċisti kollha tal-banda u għad-diversi solisti li spikkaw fosthom Sarah Cassar (flawt), Alferd Fenech (obwe), Mario Galea (klarinett) Wayne Bonello (trumbetta), Ino Attard (flikornu baritonu) u Anton Sacco (ewfonju). Mhux inqas, għas-surmast Dr.John Galea u l-president, s-segretarju u l-kumitat organiżativ tas-soċjeta La Stella. Fit-tmiem indaqq l-innu nazzjonali, mużika tat-tabib Robert Sammut. Il-programm twettaq bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan l-istess ministeru. 

(Ritratt: Joseph Mercieca)