Join Us On:

News Archive

KAST EĊĊELLENTI GĦAL RIGOLETTO F’ TEATRU ASTRA

Teatru Astra, bi pjaċir iħabbar kast eċċellenti għall-opra Verdjana li se tiftaħ l-istaġun 2023-2024, Rigoletto. B’dan il-kast, din l-opra żgur għandha tissarraf f’esperjenza teatrali indimentikabbli, mimlija passjoni, drama u fuq kollox mużika.

Il-grupp talentuż t’artisti se jinkludi lil Simone Piazzola fl-irwol prinċipali tal-buffu mħitteb, Rigoletto. Il-vuċi soda ta’ Piazzola tippossjedi t-timbru nobbli u singulari ta’ baritonu tal-ogħla livell, bi preżenza li tispira l-udjenza u li kisbitlu l-isem ta’ wieħed mill-baritoni ewlenin tal-ġenerazzjoni tiegħu fuq livell internazzjonali. Piazzola kanta rwoli ewlenin fit-Teatro alla Scala ta’ Milan, kif ukoll f’uħud mill-aqwa teatri magħrufa bħal dawk f’Palermo, Verona, Opera Royal de Wallonie-Liege, Berlin, Munich, Pariġi, Dresden, Hong Kong, fost l-oħrajn.

Il-parti ta’ Gilda, bint Rigoletto, se tiġi nterpretata minn Enkeleda Kamani, sopran Albaniża promettenti li l-premjijiet u l-kisbiet riċenti tagħha poġġewha fost l-aqwa artisti żgħażagħ tal-era tagħna, wara li kisbet ukoll rwoli f’ La Scala, Palermo, Verona, ir-Royal Opera House, u Firenze fost oħrajn, wara li ġiet imfaħħra għall-attribut imprezzabbli ta’ vuċi naturali, kif ukoll bħala l-persuna bl-aktar aspett vokalment spikkanti minn kritiċi magħrufa.         

Id-Duka ta’ Mantua, is-superjur illi jaħdem għalih Rigoletto, se jiġi nterpretat minn Gianluca Terranova, it-tenur Ruman li żgur m’ għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Terranova bħalissa huwa wieħed mill-aktar tenuri liriċi mfittxija. Terrenova huwa magħruf ukoll għall-irwol ċentrali fil-film biblijografiku Caruso: la voce dell’ amore tar-RAI. Huwa ħadem fuq diversi palkijiet ta’ postijiet tal-opra rinomati madwar id-dinja, fosthom; Teatro alla Scala, Los Angeles Opera, Opera Australia f’ Sydney u Melbourne, the Grand Theatre ta’ Shanghai u Hong Kong, Concertgebouw Amsterdam, Frankfurt Opera, Teatro dell’ Opera di Roma, Arena di Verona, Maggio Musicale Fiorentino, Teatro La Fenice di Venezia, u Teatro San Carlo di Napoli. Matul il-karriera rikka tiegħu, kellu l-privileġġ li jikkollabora ma’ surmastrijiet stmati bħal James Conlon, Myung Wung Chung, Nicola Luisotti, u Zubin Mehta.

Dario Russo, ser ikun qed jidħol fiż-żarbun tal-assassin, Sparafucile. L-udjenza tat-Teatru Astra hija pjuttost midħla ta’ Russo, magħruf bħala baxx stupend b’timbru rikk. Bosta teatri prestiġjużi u swali tal- kunċerti, fosthom Teatro alla Scala f’ Milan, Teatro San Carlo f’ Napli, Teatro Carlo Felice f ’Ġenova, Gran Teatro al Liceu f’ Barċellona, it-Teatru tal-Opra f ’Tel Aviv, Teatro dell’ Opera di Roma, Bunka Kaikan f’Tokjo, ROH f’Muscat, Malmö Live Konserthus, Concertgebouw f’Amsterdam, u s-Sala tal-kunċerti nazzjonali  Bela Bartok f’Budapest, ġew mogħnija minnu.

Il-parti ta’ Maddalena se tiġi interpretatha minn Martina Belli, mezzo-sopran popolari ħafna li ħadmet f’bosta teatri madwar id-dinja fosthom fit-Teatru ta’ Ruma, Pariġi, San Carlo ta’ Napli, Firenze, u Covent Garden. Fost l-impenji riċenti, Belli kellha r-Requiem ta’ Verdi taħt id-direzzjoni ta’ Riccardo Muti. Ta’ min isemmi ukoll illi Belli diġà kisbet esperjenza fl-irwol ta’ Maddalena ġewwa Concertgebouw, f’Amsterdam.

It-talent ta’ dawn l-artisti eċċezzjonali jiżgura produzzjoni mimlija b’ passjoni u emozzjoni. Inwasslu l-istedina tagħna lilkom sabiex takkumpanjawna matul dan il-vjaġġ fid-dinja ta’ Rigoletto, fejn it-temi universali tal-imħabba, tradiment, u t-traġedja jingħaqdu flimkien f’narrattiva.

Il-produzzjoni ġdida  ta’ Rigoletto se tittella’ fit-Teatru Astra taħt id-direzzjoni artistika tad-direttur Taljan, Enrico Stinchelli, bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea, u l-Astra Opera Chorus taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai.  Din il-produzzjoni ser tkun mogħnija wkoll b’ settijiet ġodda xogħol ix-xenografu ewlieni Joseph Cauchi u t-tim tiegħu.

Il-booking għall-opra Rigoletto, li se tittella’ fis- 26 u t-28 t’ Ottubru 2023, jista jsir onlajn fuq www.teatruastra.org.mt.

Din l-opra hija appoġġjata mill-Programm Kulturali t’Għawdex immexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti, u mill-Ministeru għal Għawdex.