Join Us On:

News Archive

JIFTAĦ IL-MUŻEW TA’ SAN ĠORĠ

Dalgħodu sar il-ftuħ uffiċjali tal-mużew il-ġdid tal-Bazilika Proto-Parrokkjali ta’ San Ġorġ, Il-Ħaġar – Heart of Gozo. Il-mużew, li ġie inawgurat mill-Prim Ministru ta’ Malta, huwa frott il-ħidma tal-Fondazzjoni Belt Victoria li flimkien ma’ numru kbir ta’ benefatturi u ħbieb, u naturalment b’fondi tal-Unjoni Ewropeja u diversi entitatijiet governattivi, irnexxiela ttemm dan il-proġett ambizzjuz.

Minn dejjem kienet ix-xewqa tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ li jkollha l-mużew tagħha biex jospita ġo fih ammont konsiderevoli ta’ pittura, skultura, abiti sagri kif ukoll diversi fided li qabel kienu miġburin fl-armarji u s-swali tal-Bażilika.  Anke jekk dan il-mużew huwa kbir xorta ma kienx possibbli li jidħol fih kollox.  Fadal aktar opri tal-arti li fil-futur għad forsi jsibu posthom fih ukoll, fosthom l-altar il-qadim li kien ġie restawrat mill-Fondazzjoni Belt Victoria fl-2011.

Kollox jindika li din l-inzjattiva se tkun suċċess kbir. Biżżejjed wieħed jixtarr kliem il-personalitajiet distinti li kienu preżenti llum, fosthom Monsinjur Isqof li ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed "straordinarju" u "ġojjell".  Iċ-ċelebrazzjonijiet inawgurali jkomplu l-lejla b’kunċert uniku fil-gżejjer Maltin – Super Fundamentum Apostolorum, mill-Kor tal-Cappella Sistina.  Il-kunċert jibda fit-8pm fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Il-programm ta’ dawn il-festi speċjali jkompli għada, fl-10am b’  marċ mill-każin tas-Soċjetà Filarmonika La Stella sa Pjazza San Ġorġ. Wara fil-11am ikun hemm il-Pontifikal Solenni mmexxi minn Monsinjur Isqof Mons. Mario Grech.  Aktar informazzjoni u ritratti fuq www.heartofgozo.org.mt.

(Ritratti: Toni Farrugia)