Join Us On:

News Archive

IT-TIELET TMIEM IL-ĠIMGĦA TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA

Festival Mediterranea jissokta għat-tielet tmiem il-ġimgħa konsekuttiv b’numru ta’ attivitajiet immirati li jkomplu jesponu aspetti kulturali differenti ta’ Għawdex.
 
Għada s-Sibt 13 ta’ Novembru, filgħodu, Festival Mediterranea jkompli b’attività li tiffoka fuq aspett tal-wirt kulturali Għawdxi li fl-aħħar snin qed jerġa’ jsir popolari – it-tkabbir tal-għeneb għall-inbid. L-attività tikkonsisti fi żjara fl-għelieqi bid-dwieli tal-familja Hili fl-Għarb fejn jitkabbar l-għeneb li finalment isib ruħu f’inbid taħt it-tikketta Tal-Massar. Waqt iż-żjara, il-parteċipanti jsiru jafu iktar dwar il-proċess tat-tkabbir tad-dwieli u l-għeneb għat-tagħsir, kif isir l-inbid organiku, filwaqt li jmiddu jdejhom għal xogħol fl-għelieqi. Se jkunu jistgħu wkoll iduqu nbid u ikel artiġjanali. Dawk li jixtiequ jattendu għandhom jibbukkjaw minn kmieni filwaqt li jiltaqgħu mal-organizzaturi fil-pjazza tal-Għarb fis-1.45pm.
 
Il-festival jinkludi wkoll ir-ritorn ta’ Centre Stage Dance Academy fuq il-palk ta’ Teatru Astra, din id-darba bl-ispettaklu taż-żfin Truly Unforgettable, li jinkludi s-sehem ta’ iktar minn 200 żeffien f’ċelebrazzjoni ta’ mużika popolari ta’ kull żmien. Din il-produzzjoni, taħt id-direzzjoni artistika u l-korjografija tal-għalliema żagħżugħa taż-żfin Natalie Sciortino, twassal diversi forom ta’ żfin fosthom jazz, ballet, hip hop u l-ġeneru kontemporanju. Dan fuq mużika ta’ artisti bħal Domenico Modugno, Tina Turner u Joe Cocker fost oħrajn, kif ukoll kanzunetti kontemporanji popolari ta’ artisti oħrajn fosthom Lady Gaga, Beyonce, Kylie Minogue u Cheryl Cole. Truly Unforgettable tittella’ fit-Teatru Astra nhar is-Sibt 13 ta’ Novembru u tibda fis-7.30pm.
 
Festival Mediterranea, issa fid-disa’ edizzjoni tiegħu, hu organizzat minn Teatru Astra u din is-sena jibqa’ għaddej sas-Sibt 27 ta’ Novembru. Iktar informazzjoni dwar il-programm ta’ attivitajiet tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.
 
Biljetti jinkisbu permezz tan-numri tat-telefon 21550985 jew 99883007. Biljetti jew informazzjoni għal Truly Unforgettable jistgħu jinkisbu billi wieħed iċempel fuq in-numri tat-telefon 79200488 jew 21565167.