Join Us On:

News Archive

IRREKORDJATI L-MARĊI BRIJUŻI

Kif semmejna, fil-jiem li għaddew fuq dan is-sit, il-bieraħ il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ irrekordjat is-sett ġdid ta’ marċi brijużi għall-festa ta’ San Ġorġ Martri li ser tiġi ċċelebrata fit-tielet ġimgħa ta’ Lulju. Dan kien it-tielet recording li l-banda kienet qed tagħmel din is-sena, wara li fix-xhur li għaddew ġew irrekordjati sett ta’ marċi funebri u sett ta’ innijiet Pawlini għall-festa tal-Munxar. Il-bieraħ minbarra l-marċi brijużi li jammontaw għal tlettax ġew irrekordjati wkoll l-innijiet ta’ San Lawrenz, u għalhekk b’kollox tul is-sena 2008 il-banda ‘La Stella’ ser tkun irrekordjat xejn inqas minn erba’ CDs.

Is-CD bl-innijiet ta’ San Lawrenz sar fuq inizzjattiva tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz li għandha rabtiet storiċi mas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’. Fuq dan is-CD ġew irrekordjati l-innu l-kbir ‘A San Lorenzo Levita e Martire’ kompożizzjoni ta’ l-ex surmast tal-banda, il-mibki Mro Giuseppe Giardini Vella flimkien ma’ l-innu marċ kompożizzjoni ta’ Joe Formosa. L-innu l-kbir tul is-snin li ilu miktub dejjem indaqq mill-banda ‘La Stella’ f’lejliet u f’nhar il-festa waqt ħruġ il-purċissjoni.

Intant fis-sett ta’ marċi brijużi ta’ din is-sena, bħas-snin l-imgħoddija għandna varjazzjoni ta’ marċi ġodda u oħrajn popolari maħruġa mill-arkivju tas-Soċjetà. Il-lista’ ta’ dawn il-marċi titħabbar aktar tard fuq dan is-sit, hekk kif is-CD joħroġ għall-bejgħ. Il-banda ‘La Stella’ kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella, u r-rekording kien f’idejn John Cauchi ta’ PRO studios. Is-CD il-ġdid ta’ marċi brijużi mistenni joħroġ aktar tard dan ix-xahar.

photos: J. Grima

02/06/2008