Join Us On:

News Archive

IRREKORDJAT SETT IEĦOR TA’ MARĊI BRIJUŻI

Wara li nhar il-Ħadd li għadda, il-banda ċittadina La Stella rrekordjat l-ewwel sett ta’ marċi brijużi  tas-surmast direttur il-Prof Joseph Vella, il-bieraħ kien imiss li jiġu rrekordjati l-kumplament tal-marċi biex b’hekk ġie ffinalizzat dan id-double album li ser jiġbor il-marċi brijużi kollha tal-istess surmast.

Il-bieraħ fil-fatt, ġew irrekordjati disa’ marċi oħra tas-surmast Vella. Ir-rekording li dam madwar siegħa u nofs mexa b’ritmu tajjeb u l-bandisti taw l-aħjar tagħhom biex il-prodott ikun wieħed ta’ kwalita’. Ir-rekording sar bħas-soltu fuq il-palk tat-teatru Astra, taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof. Joseph Vella. Għal darb’oħra r-rekording ġie fdat f’idejn John Cauchi ta’ PRO studios.

Wara li ġie konkluż dan il-proġett, il-banda, tkompli għaddejja bil-kunċerti preparatorji li għandhom iwasluna għall-ewwel servizz fl-istaġun tal-festi: marċ u programm mużikali fil-Munxar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl (30 ta’ Mejju); kif ukoll għar-rekording tas-sett ta’ marċi brijużi tal-festa ta’ San Ġorġ (6 ta’ Ġunju).

Ix-xahar ta’ Ġunju mbagħad iġib miegħu sensiela ta’ impenji għall-banda tagħna f’diversi rħula madwar Għawdex. Iżda dwar dan inkomplu naġġornawkom fil-ġimgħat li ġejjin.