Join Us On:

News Archive

IRA LOSCO U CHASING PANDORA FIT-TEATRU ASTRA

Il-kantanta popolari Ira Losco u l-band Chasing Pandora se jkunu l-protagonisti tal-ewwel kunċert teatrali unplugged f’Għawdex is-Sibt 6 ta’ Dicembru. Il-kunċert, li se jsir fit-Teatru Astra, se jinkludi repertorju wiesa’ fosthom kompożizzjonijiet oriġinali tal-artisti lokali kif ukoll cover versions popolari.
 
Chasing Pandora jiftħu l-kunċert b’set ta’ siegħa, b’Keith fuq il-kitarra, il-banjo u l-armonika li jakkumpanja l-vuċi ta’ Melissa. Iktar tard, ma’ Keith u Melissa jingħaqdu membri ohra tal-band kif ukoll mistieden specjali. Minbarra s-siltiet oriġinali tagħhom mill-ewwel album “Mocking The Mockingbird” u mit-tieni EP “Wide Eyed Beautiful”, inkluż it-title track li ħarget dan l-aħħar, Chasing Pandora se jaghtu wkoll interpretazzjoni ta’ xi cover versions tal-artisti favoriti tagħhom.
 
Għat-tieni siegħa tal-kunċert, Ira Losco se twassal ir-repertorju akustiku tagħha fosthom il-parti l-kbira tas-siltiet popolari tagħha, cover versions u adattamenti ta’ xogħlijiet riċenti tagħha mill-aħħar album “Fortune Teller”. Dan l-album kellu erba’ siltiet li laħqu l-ogħla post fil-klassifika mużikali lokali, li huma ‘Something to Talk About’, ‘Idle Motion’, is-silta movimentata ‘Down Look Down’ u ‘Shoulders of Giants’ li tħares lejn iż-żogħżija tal-lum. F’dan il-kunċert Ira Losco se tkun qed terġa’ toħloq l-atmosfera maġika li tibqa’ f’moħħ ħafna li attendew il-kunċert unplugged li tellgħet f’Marzu.
 
Il-biljetti għal dan il-kunċert, li jibda fid-9pm, jistgħu jinkisbu minn diversi ħwienet f’Malta u f’Għawdex għall-prezz ta’ €15. Jistgħu jinkisbu wkoll mis-sit elettroniku www.biljetti.com. Għal iktar informazzjoni: 99550058.
 
Il-kunċert, bl-isem Jack Daniels Unplugged Theatrical Concert qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tat-Teatru Astra u Star Promotions.