Join Us On:

News Archive

IL-PURĊISSJONI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA F’BELTNA

Il-bieraħ, il-knisja kattolika fakkret il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, fejn f’pajjiżna f’bosta lokalitajiet saru diversi purċissjonijiet li jfakkru dawn il-mumenti fil-ħajja ta’ Ġesu’. F’beltna, il-purċissjoni li ħarġet mill-bażilika ta’ San Ġorġ: l-eqdem purċissjoni fi gżiritna, ġibdet folol kbar ta’ nies li mlew kull rokna ta’ pjazza San Ġorġ waqt il-ħruġ ta’ din il-purċissjoni mill-aktar devota u unika fl-istil. Fil-fatt din hija l-uniku purċissjoni fi gżiritna li għadha tħaddan karattru penitenzjali u tradizzjonali, u huwa proprju għalhekk li baqgħet tiġbed lejha ħafna nies li f’dan il-jum tant importanti għalina l-insara ninġabru u tassew infakkru t-tbatija li għadda minnha Sidna Ġesu’ Kristu. Il-membri tal-kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira ħadu ħsieb iqassmu fuljett lil dawk kollha li segwew il-ħruġ tal-purċissjoni fil-pjazza – fuljett li kien jiġbor fih informazzjoni mill-aktar interessanti dwar il-purċissjoni u s-sett ta’ tmien vari li nsibu fil-bażilika tagħna.

Il-purċissjoni bħal dejjem kienet akkumpanjata mill-banda ċittadina La Stella. Fil-fatt bin-noti tas-surmast Joseph Sammut mill-marċ ġdid tiegħu "Iesu Agonia in Horto Olivarum" bdiet l-impenji tagħha mal-ħruġ tal-ewwel vara mis-sett ta’ tmienja li nsibu f’din il-purċissjoni. Il-banda akkumpanjat il-ħruġ tal-ewwel ħames vari biex imbagħad sabet postha quddiem il-vara l-kbira bil-kurċifiss mirakuluż, u kompliet takkumpanja l-purċissjoni madwar it-toroq tal-belt tagħna. Sfortunatament meta l-purċissjoni kienet tinsab f’nofs triq inqatgħet il-provista tad-dawl fil-pajjiż kollu u bla dubju affetwat mhux ftit l-andament tal-purċissjonijiet kollha f’Malta u Għawdex. Il-purċissjoni kompliet għaddejja bl-istess ritmu u anke l-banda tagħna b’aktar attenzjoni mis-soltu, għalkemm fi dlam ċappa, kompliet għaddejja u xorta baqgħet issemmgħalna l-marċi funebri mis-sett mill-isbaħ li ġie mżanżan din is-sena. 

Intant f’din il-purċissjoni ħadet sehem ukoll il-banda Konti Ruġġieru tar-Rabat Malta, li mmarċjat fuq quddiem nett tal-purċissjoni; kif ukoll il-kor Laudate Pueri tal-bażilika ta’ San Ġorġ li esegwixxa motetti sagri matul l-istess purċissjoni. Fil-purċissoni ħa sehem ukoll il-kleru u l-kapitlu Ġorġjan immexxi mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia.

L-impenji tal-banda tagħna jkomplu għada: jum l-Għid il-Kbir, fejn il-banda ser tieħu sehem fid-dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt li toħroġ mill-bażilika fid-8.45am u filgħaxija mbagħad servizz ieħor simili, din id-darba fir-raħal tal-Fontana.

Aktar aġġornamenti fil-jiem li ġejjin. 

Ritratti: Joe Attard

Intant infakkru li llejla bejn is-6.45 u t-7.45pm fuq Radju Super One ser jindaqq is-sett il-ġdid ta’ marċi funebri tal-banda ċittadina La Stella – sett li ġie rrekordjat fuq CD volum 22 bl-isem: Una Lacrima. Dan is-CD jinsab għall-bejgħ mill-każin La Stella għall-prezz ta’ €12.