Join Us On:

News Archive

IL-MARĊ SKANDALUŻ TA’ STA MARIJA

Qegħdin nġibu nota-kjarifika mibgħuta mill-Kurja Veskovili in konnessjoni mal-marċ ta’ nhar Santa Marija filgħodu.

26 ta’Lulju 2007

Il-bieraħ Monsinjur Isqof Grech irċieva kopja ta’ ittra bid-data tal-20 ta’ Lulju 2007 ffirmata minn Dolindo Cassar, Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u Antoine Vassallo, Kunsill Amministrattiv tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, li fiha fost ħwejjeġ oħrajn jingħad li l-Isqof ta’ Għawdex lanqas irid li dan il-marċ jgħaddi minn rotta li tinkludi Pjazza San Ġorġ għax imur kontra r-regolamenti tad-Djoċesi. Mons. Isqof jgħarrafkom li hu jiċħad li xi darba qal dan il-kliem jew li esprima opinjoni f’dan ir-rigward; anqas qatt ma tkellem dwar din il-materja mal-firmatarji tal-ittra fuq indikata. F’kull każ, l-Isqof ifakkar li fl-organizzazzjoni ta’ l-attivitajiet marbuta mal-festi esterni għandhom jiġu rispettati l-valuri nsara, l-indikazzjonijiet pastorali li l-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ Għawdex ħareġ fis-snin l-imgħoddija, nkluża s-sena l-oħra, u l-liġijiet ċivili.

Dun Charles Sultana (Segretarju)

Mons. Isqof jirreferi għad-disposizzjonijiet li l-Kurja ħarget matul iż-żmien rigward il-pożizzjoni tagħha fil-konfront ta’ marċijiet skandalużi, offensivi u provokatorji. Għall-benefiċċju tagħkom qegħdin inġibu dawn id-disposizzjonijiet:

+ Regolamenti dwar iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Festi Esterni fil-Parroċċi u Knejjes Oħra (Nikol Cauchi, 7 ta’ Mejju 2003),
“Huma projbiti dawk il-marċi li fihom isir kant oggezzjonabbli, kif ukoll innijiet bi kliem provokkativ u m’għandhomx jiġu tollerati ċerti abbużi bħalma huma lbies indeċenti u ġesti mhux xierqa eċċ.” (nru 6)

+ Stqarija tal-Kulleġġ tal-Kappillani tad-Djoċesi ta’ Għawdex dwar il-Jum tal-Festa Titulari, (Mejju 2006),
“Il-Knisja tixtieq li l-marċi brijużi li jsiru fil-jiem kollha tal-festa ma jkunx fihom elementi li joffendu s-sens nisrani tal-festi; li jiġu mwarrba atteġġjamenti li jixirqu aktar il-festi tal-karnival; li jitħares l-ordni pubbliku, u jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, kemm ta’ dawk li jkunu jieħdu sehem fil-marċ kif ukoll ta’ l-ispettaturi”.

Qegħdin inġibu wkoll uħud minn sensiela ta’ ritratti miġbuda fi Pjazza San Ġorġ ta’ dan il-marċ skandaluż, offensiv u provokatorju fil-konfront tal-parroċċa ta’ San Ġorġ u tad-diriġenti tagħha, u xejn inqas fil-konfront tad-disposizzjonijiet ta’ l-Awtorità Ekleżjastika ta’ pajjiżna.