Join Us On:

News Archive

IL-ĠIMGĦA TAL-FESTA

Ninsabu ftit tal-jiem ‘il bogħod mill-festa liturġika tal-Patrun u Protettur ta’ beltna u ta’ gżiritna San Ġorġ Martri. Għalkemm il-festa ta’ April hija mifruxa fuq perjodu ferm inqas minn dik ta’ Lulju, il-festa liturġika xorta tibqa’ waħda għażiża għall-poplu Ġorġjan u l-partitarji kollha tal-Istilla. 

Iċ-ċelebrazzjonijiet interni huma l-aktar li jispikkaw matul din il-ġimgħa għażiża li ser twassalna għal Jum San Ġorġ. Fil-fatt propju nhar it-Tnejn li għadda fetaħ it-Tridu solenni ta’ San Ġorġ u jintemm illejla. Matul dawn it-tlitt ijiem tat-tridu Mons Giovanni Bosco Gauci, il-Vigarju Ġenerali tad-djoċesi mexxa konċelebrazzjoni solenni bl-omelija, fil-bażilika.

Il-Ħamis, il-vġili solenni ta’ San Ġorġ, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata ser imexxi ċelebrazzjoni pontifikali tal-ewwel Għasar, fis-6.30pm. Imbagħad fit-8.00pm Mons Isqof ser imexxi velja ta’ talb u kant fi Pjazza San Ġorġ bit-tema Nishru ma’ San Ġorġ fil-lejl tal-martirju tiegħu. Għal din l-okkażjoni ser tinħareġ l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ fil-bieb tal-bażilika.

Il-Ġimgħa, Jum il-festa, fit-8.30am, Mons Pawlu Cardona, arċipriet tal-bażilika ser imexxi ċelebrazzjoni solenni tat-tifħir ta’ sbiħ il-jum fil-bażilika bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan. Fin-12.30pm, fil-każin La Stella ser tiġi organizzata l-Ikla tal-Festa, li għaliha huma mistednin il-partitarji kollha. Filgħaxija mbagħad, lura fil-bażilika, fis-6.30pm, Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu, imexxi t-tieni għasar, biex fis-7.00pm jibda pontifikal solenni mmexxi minn Mons. Giovanni Bosco Gauci. F’dan il-pontifikal tiġi esegwita l-Missa Sancte Ioannis Baptiste orkestrata minn Mro Giuseppe Giardini Vella u l-antifona Beatus Georgius, ta’ Mro Paolo Flammingo. L-orkestra u l-kor ikunu taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella.

Eżatt wara l-pontifikal, ikun imiss lill-banda ċittadina La Stella  li ssellem lill-patrun ta’ beltna f’dimostrazzjoni grandjuża bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex (2008), xogħol Michael Camilleri Cauchi, minn pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika. Wara d-dimostrazzjoni kulħadd huwa mistieden għal kunċert mill-aqwa minn Cash & Band fil-foyer tal-każin.

Minn din il-paġna nixtiequ nawguraw il-festa t-tajba lill-Ġorġjani u lir-Rabtin kollha.