IL-HADD 24 TA’ FRAR IR-REKORDING TAL-MARĊI FUNEBRI
Nhar il-Ħadd li ġej, il-banda ċittadina “La Stella” ser tirrekordja s-sett ġdid ta’ marċi funebri li ser jindaqqu tul il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ Martri, fil-belt Victoria. Fil-jumejn li ġejjin il-banda tagħna taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Mro Joseph Vella, ser tagħmel l-aħħar żewġ kunċerti preparatorji qabel ir-rekording ta’ dawn il-marċi. Kif jafu d-dilettanti tal-marċi u dawk kollha li jsegwu l-baned lokali, il-banda ċittadina “La Stella” dejjem ħarġet bi prodott mill-aqwa fejn jidħlu marċi brijużi u marċi funebri, u din id-darba żgur li mhux ser tkun eċċezzjoni. Il-banda tinsab preparata tajjeb biex nhar il-Ħadd bl-iċken sforz jiżdied CD ieħor ta’ livell ma’ l-oħrajn li diġa’ ġew irrekordjati fis-snin li għaddew.
L-ewwel CD irrekordjat mill-banda ċittadina “La Stella” jmur lura għas-sena 1997. Fil-fatt f’dik is-sena l-banda tagħna saret ukoll l-ewwel banda fi gżiritna li rrekordjat CD album. F’dik is-sena kienu ħarġu żewġ CDs, wieħed b’marċi brijużi bl-isem “Ċinkwantenarju – Golden Jubilee” u l-ieħor b’innijiet Ġorġjani bl-isem “Ġorġi Tagħna”. Sena wara l-banda ħarġet ukoll l-ewwel CD album b’marċi funebri bl-isem “Spes Unica”. Il-banda “La Stella” mill-1997 ħarġet xejn inqas minn għoxrin CD. Jibqa’ mfakkar id-double album ta’ marċi funebri tas-surmast Joseph Vella bl-isem “Elegy” – album li nbiegħ ħafna u li għadu mfittex sal-lum, għalkemm ilu rrekordjat tmien snin. Il-marċi tas-surmast Vella kisbu popolarità kbira, u għal din is-sena ser jiżżanżnu erbgħa oħra mill-pinna ta’ l-istess surmast. L-aħħar double album b’marċi funebri rrekordjati mill-banda “La Stella” jmur lura għas-sena 2006, fejn f’dik is-sena ħriġna CD b’marċi funebri ta’ Giuseppe Giardini Vella, flimkien ma’ sett ieħor ta’ kompożituri varji.
Is-CDs maħruġa mill-banda “La Stella” jibqgħu dejjem imfittxija. Dan għall-fatt li l-banda tagħna mmexxija mill-Professur Joseph Vella, dejjem kienet serja biżżejjed li toħroġ prodott mill-aqwa. Is-CD album il-ġdid li ser jiġi rrekordjat nhar il-Ħadd li ġej ser joħroġ għall-bejgħ fil-ġimgħat li ġejjin. lastella.com.mt.mt fil-jiem li ġejjin ser tibqa’ iżżomkom aġġornati dwar meta ser joħroġ għall-bejgħ dan is-sett ġdid ta’ marċi funebri, li tkunu tistgħu takkwistawh mill-ħwienet ewlenin u fuq kollox mill-każin “La Stella”.