Join Us On:

News Archive

IL-FESTA T’TAJBA !

Kuncizzjoni FB

Il-festa t-tajba lill-ulied kollha ta’ Marija Immakulata, f’Għawdex u f’Bormla, u lill-Ġorġjani, f’dan il-jum glorjuż tas-solennità ta’ Marija Immakulata. Dan huwa jum verament speċjali għalina l-Ġorġjani li nqisu din il-festa bħala l-festa tagħna lkoll. Ir-rabta bejn l-Immakulata Kunċizzjoni u l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella tmur lura bosta u bosta snin u l-istorja tagħna intisġet flimkien mal-aktar ġrajjiet importanti tal-Franġiskani u l-kommunità li tiffrekwenta din il-Knisja.

Għalhekk f’dan il-jum hekk importanti għalina u għall-Knisja Universali nifirħu lil dawk kollha nvoluti fl-organizzazzjoni ta’ din il-festa.  L-Immakulata hija “stilla fi stilla”. L-Immakulata hija l-istilla qaddisa fl-istilla li hu Kristu. Hija l-istilla maħbuba fl-istilla li hi l-komunita’ Ġorġjana ta’ din il-belt. Hija l-istilla rebbieħa fl-istilla Kristjana li hi tabilħaqq il-gżira tagħna.

Il-lejla l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella ttemm l-impenji tagħha f’din il-festa wara s-servizz tal-bieraħ filgħaxija.  Dawn huma partijiet mill-programm għal-lum:

9.30am: Quddiesa Solenni ppreseduta mill-W.R. Mons. Isqof Charles Joseph Scicluna, Vigarju tal-Arċisqof ta’ Malta flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet u Saċerdoti Djoċesani. Wara l-Qari tal-Evanġelju, Mons. Isqof jinseġ kuruna ta’ tifħir lil Alla ad unur l-Immakulata Kunċizzjoni. Ikanta l-kor Laudate Pueri, taħt it-tmexxija tal-Maestro, il-Kanonku Dun Ġorġ Frendo.

5.00pm: Kant Solenni tat-Tieni Għasar ippresedut mill-W.R. Mons. Giovanni Bosco Cremona. Ikanta l-Kor Laudate Pueri taħt it-tmexxija tal-Maestro, il-Kanonku Dun Ġorġ Frendo.

5.45pm: Ħruġ Solenni tal-istatwa artistika u devota tal-Immakulata Kunċizzjoni kapulavur fl-injam tal-istatwarju Bormliż Salvatore Psaila (1848). Il-Banda Dekana Ċittadina La Stella tal-Belt Victoria ssellem lill-Immakulata Kunċizzjoni bil-kant tal-Innu Lodate Maria, mużika tas-Surmast Ġ. Flamingo, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Joseph Vella B. Mus. (DUNELM) FLCM, bis-sehem tal-Kor, Tenur u Baritonu.
6.00pm: Purċissjoni devota bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni mat-toroq ewlenin tal-belt Victoria bis-sehem tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fi ħdan l-istess knisja. Il-W.R. Mons. Giovanni Bosco Cremona, akkumpanjat mill-Patrijiet, imexxi l-purċissjoni. Il-purċissjoni tkun akkumpanjata mil-Banda La Stella tal-Belt Victoria. Mal-wasla tal-Purċissjoni fi Pjazza San Franġisk isir pellegrinaġġ Aux Flambeaux. Mad-dħul tal-Purċissjoni lura fil-knisja, tindaqq u titkanta l-antifona Hodie Egressa (Est.1884), tal-Mons. Giuseppe Farrugia (tal-Vers). Isir it-tiġdid tal-Konsagrazzjoni tal-Komunità Franġiskana lill-Immakulata Kunċizzjoni u Barka Sagramentali. Imexxi l-W.R. Mons. Giovanni Bosco Cremona. Il-kant tal-Antifona jsir mill-Kor Laudate Pueri, taħt id-direzzjoni tal-Maestro, il-Kanonku Dun Ġorġ Frendo. Fit-tmiem isir il-bews tar-Relikwa mal-kant tal-innu popolari tal-Immakulata Kunċizzjoni ‘Lejna Ħares’.

(Ritratt: Mario Casha)