IL-FESTA TAL-ARKANĠLI
Il-festa tal-Arkanġli Mikiel, Rafiel u Grabiel iġġib fi tmiemha l-għomma tas-Sajf. L-Arkanġli bħal donnhom li jerġgħu ireġġgħu lil kulħadd lejn dak li titlob minnu l-ħajja li jintagħmel fix-xhur xitwin. Issa li l-iskejjel reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għal tant studenti, jispiċċa l-għawm, jekk mhux għax forsi l-ajru jħenn għalina ftit ieħor. It-tifkira ta’ dawn l-anġli smewwija, qaddisin, terġa’ tagħti tidwira oħra lill-ħajja tal-parroċċa ħalli ddur għal sena oħra, tissokta bil-ħidma tagħha li tkun lajmat għal xi ftit fix-xhur sħan tas-sena. Ikun ta’ min li jfakkar lill-ġenituri, sabiex jibagħtu lil uliedhom f’xi qasam minnhom tad-duttrina, issa li l-katekisti jibdew jiġbru lit-tfal ħalli jgħallmuhom.
Jekk ta’ tnejn mit-tliet anġli li tagħhom issir festa kull 29 ta’ Settembru, għandna tagħhom xbihat impittra fis-soqfa tal-knejjes jew xi statwetta żgħira bejn il-gandlieri fuq xi artal, ta’ San Mikiel għandna aktar xi jqawwilna d-devozzjoni lejh. Fil-festi l-kbar tar-Rabat, issib tiegħu xbieha tgħasses il-knisja li ma tkunx tal-festa. Fil-jiem ta’ nofs Lulju, San Mikiel jittella’ fuq pedistall, għassa tat-telgħa tal-kastell, waqt li xahar wara, jittella’ ieħor, faċċata tas-Suq. Impoġġija hemm dawn San Mikilijiet biex iħarsu l-parruċċani minn xi ħadd xurban li jkun seqa’ lilu nnifsu bi spirtu, mhux minn dak li jkun semma’ l-qassis waqt il-priedka tal-festa, imma b’dak li jkun sab jixtri mill-ħwienet u li minnu jkun ħa ħafna. Fil-knisja ta’ San Ġorġ, imbagħad, insibu statwa tal-istess Arkanġlu San Mikiel, il-ġmiel tagħha magħmula mill-injam. Ħadimha Xandru Farrugia, l-ewwel għal Ħal Qormi, imma mbagħad ġraw affarijiet li min ħallasha ħadha lura lill-Fratellanza għax fettilha minn magħha u reġa’ biegħha, biex dik id-darba l-istatwa sabet ruħha fil-gżira ta’ Għawdex.
‘Il bqija, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, lil San Mikiel isirlu festa sabiħa li tilħaq il-qofol bil-konċelebrazzjoni solenni fil-quddies tas-6pm nhar il-Ħamis 29 ta’ Settembru. Ta min isib ħin imur jgħid talba, jisma’ quddiesa, joffriha għall-erwieħ li jaħseb fihom u jiftakar fl-akbar mistoqsija li jistaqsi dan il-kbir fost l-anġli kollha: Min bħal Alla?
Il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru imbagħad se tinżamm l-ikla tradizzjonali Maltija li din is-sena se jkollha wkoll mistiedna speċjali bħal grupp Stranded, il-kantanti Michaela Pace, Alicia Azzopardi, Denise Mercieca u d- Dance Narratives. Dan huwa avveniment importanti ta’ divertiment b’ikla bnina li issa ntrabtet ħaġa waħda ma’ din il-festa.
L-Arkanġlu Mikiel, ma’ sħabu Rafiel u Grabiel, mis-sema jgħassuna u jindukrawna f’dawn il-jiem u f’ta bla għadd il-jiem…