Join Us On:

News Archive

IL-FESTA TA’ SAN ĠWANN BOSCO FIL-BELT VICTORIA

Fi tmiem din il-ġimgħa f’beltna ser tiġi ċċelebrata l-festa ad unur San Ġwann Bosco. Ta’ kull sena din il-festa tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Jannar fl-Oratorju Don Bosco u din is-sena qed jiġu ċċelebrati festi speċjali fl-okkażjoni tal-75 sena mill-kanonizzazzjoni ta’ Don Bosco u tal-ftuħ tal-ewwel oratorju f’Għawdex. Din is-sena jmiss li tagħti s-sehem tagħha l-banda ċittadina La Stella. Fil-fatt nhar il-Ħadd li ġej il-banda ser tagħti l-ewwel servizz tagħha għas-sena 2009, servizz li jikkonsisti f’marċ qabel il-purċissjoni u bla dubju  l-akkumpanjament tal-purċissjoni. Il-banda La Stella tibda b’marċ qasir minn quddiem l-iskola Primarja tal-belt Victoria sa quddiem l-Oratorju Don Bosco, fejn imbagħad hemmhekk tilqa’ l-ħruġ tal-purċissjoni u tal-istatwa titulari xogħol Wistin Camilleri bid-daqq tal-innu u ta’ marċi reliġjużi.

Intant f’jum il-festa filgħodu, Mons. Isqof Mario Grech ser imexxi pontifikal solenni fil-kappella tal-oratorju. Filgħaxija mbagħad, eżatt qabel il-ħruġ tal-purċissjoni l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Mons. Pawlu Cardona ser imexxi quddiesa, bis-sehem tal-kor tal-parroċċa Laudate Pueri, taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo. L-istess arċipriet ser imexxi l-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann Bosco li tgħaddi min-numru ta’ triqat fosthom Triq Vajrinġa, Pjazza San Franġisk, Triq ir-Repubblika, Pjazza Savina u lura lejn pjazza Sant’ Wistin fejn jinsab l-Oratorju Don Bosco. F’din il-purċissjoni jieħdu sehem ukoll minbarra l-banda La Stella, tfal u studenti tal-iskejjel tas-Sależjani f’Għawdex, żgħażagħ u numru ta’ past pupils tal-Oratorju.

Aktar aġġornamenti fuq is-sehem tal-banda La Stella fil-festa ta’ San Ġwann Bosco, fil-jiem li ġejjin.