Join Us On:

News Archive

IL-FESTA T-TAJBA LILL-ĠORĠJANI KOLLHA !

L-ewwel nett il-festa t-tajba lill-Ġorġjani kollha !
Il-bieraħ filgħaxija kellna it-Translazzjoni Solenni u ċelebrazzjoni Pontifikali tal-Ewwel Għasar tas-Solennità ppreseduti mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana, assistit minn delegazzjoni tal-Kapitlu Katidrali u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata In Urbe.
Fit-8.00pm sar programm mużikali mill-Banda Ċittadina King’s Own u fid-9.30pm il-Banda La Stella daqqet l-innu immortali A San Giorgio Martire (1931). Fl-10.00pm iż-żewġ baned għamlu marċ kolossali fi Triq ir-Repubblika, fejn fl-aħħar, sar il-logħob tan-nar.
Dalgħodu kif isir dejjem kien hemm il-Pontifial mill-Isqof Grech, Dekan tal-Kolleġġjata. Il-Bażilika kienet imbullata bin-nies sa minn kmieni filgħodu. L-assemblea kienet taħt il-Patroċinju tal-Aġent President ta’Malta, l-Onor. Antone Tabone. Għall-Pontifikal attendew bosta personalitajiet fosthom il-Prim Ministru l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, Membri Parlamentari Għawdxin miż-żewġ naħħat tal-kamra u s-Sinku tar-Rabat Dr. Samuel Azzopardi. Naturalment kien hemm ukoll membri tal-kumitat ċentrali u bosta partitarji u parruċċani.
Dritt wara beda l-marċ tal-ħdax, li minkejja s-sħana tremenda li kienet, kien suċċess kbir b’eluf ta’nies joħonqu ċ-ċentru tar-Rabat. F’dan il-marċ ħadu sehem żewġ baned Maltin, dik ta’ San Ġorġ (ta’ Ħal-Qormi) u dik ta’ San Mikiel (ta’ Ħaż-Żabbar).
Il-lejla jkun hemm l-appuntament mill-aktar importanti, meta fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni bl-istatwa devota ta’ San Ġorġ Martri (1838), kapolavur ta’ Pietru Pawl Azzopardi, fejn tintlaqa b’bosta innijiet Ġorġjani fost ċapċip u entużjażmu kbir. Il-Banda tagħna takkumpanja il-Purċissjoni matul it-toroq ewlenin tal-Belt Victoria, sa ma jkun hemm id-dħul trijonfali fl-10.00pm.
Nixtiequ nfakkru li din is-sena l-festa tagħna se tkun qed tintwera fuq Net Television fil-programm Forċina.