IL-FESTA LITURĠIKA TA’ SAN ĠORĠ
Il-bieraħ filgħaxija, wara l-pontifikal solenni fil-Bażilika Ġorġjana, il-Banda La Stella għamlet marċ brijuż bl-istatwa ta’ San Ġorġ (Austin Camilleri, 1991) minn Pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella. Il-pontifikal beda fis-7.00pm u minbarra l-Isqof Mons. Mario Grech ikkonċelebraw numru kbir ta’ saċerdoti fosthom, Mons. Pawlu Cardona, l-arċipriet, Mons. Ġuzeppi Farrugia, direttur spiritwali tas-Soċjetà, l-kapitlu u diversi membri tal-kleru.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, kienet irrapreżentata mill-President s-Sur Pawlu Zammit u diversi membri tal-kumitat flimkien mal-bandisti. Naturalment kif wieħed jista’ jimmaġina il-Bażilika kienet ippakkjata bin-nies minn kmieni u kien diffiċli għal xi wħud li jsibu post.
Minn issa sal-festa f’Lulju l-impenji tas-Soċjetà f’dik li hija organizzazzjoni jiżdiedu ħafna. Bejn wieħed u ieħor xaharejn u nofs oħra nkunu qrib sew tal-festa w allura il-magna organizzattiva tkun impenjata ferm biex tilħaq livell għoli bħalma jiġri kull sena.