Join Us On:

News Archive

IL-FESTA L-KBIRA T’GĦAWDEX

“e’ una festa che e’ la più popolare del paese” (Anton Tabone, Kaxxier tal-banda ‘Il Leone’ fl-1895)

43 jum għaddew mill-ftuħ tal-festi f’ġieħ il-patrun tagħna San Ġorġ – 43 jum ta’ ċelebrazzjonijiet kontinwi: kunċerti, funzjonijiet liturġiċi, marċi, dimostrazzjonijiet, briju u bosta elementi oħra li għal darb’oħra kkaratterizzaw il-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin. Il-bieraħ, il-Ħadd 20 ta’ Lulju, dawn il-festi laħqu l-qofol tagħhom bil-purċissjoni solenni li ħarġet mill-maqdes Ġorġjan, omm il-parroċċi kollha tal-gżira Għawdxija.

Wara marċ qasir minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella sabet postha fuq il-planċier biex minn hemm sellmet lil San Ġorġ Martri bid-daqq ta’ l-innu “Georgius Natus Est” hekk kif l-istatwa kapulavur ta’ Pietru Pawl Azzopardi tfaċċat fil-bieb ewlieni tal-bażilika urbana. Fost ċapċip kbir mill-eluf li ħanqu l-pjazza ta’ San Ġorġ, il-banda mbagħad daqqet l-innu l-kbir kompożizzjoni ta’ Giuseppe Giardini Vella “A San Giorgio Martire” li wassalna għall-mument l-aktar mistenni: it-tixjir tal-palm li ta’ kull sena joħloq atmosfera mill-aqwa waqt ħruġ il-purċissjoni. Eżattament wara l-innu l-kbir, il-banda sabet postha quddiem l-istatwa fejn mexxiet il-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna. Bla dubju spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar ta’ l-ajru, għal darb’orħra akkumpanja l-purċissjoni.

Il-purċissjoni għaddiet minn Triq ir-Repubblika u għalhekk bla dubju għaddiet ukoll minn quddiem is-sede tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ li tinsab fl-aktar post prestiġjuż ta’ din it-triq ewlenija. Tul il-purċissjoni l-baned ‘Mnarja’ tan-Nadur u ‘Nicolo Isouard’ tal-Mosta għamlu programm mużikali fi Pjazza Indipendenza u Pjazza San Ġorġ rispettivament. Għal darb’oħra d-dħul tal-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Ġorġ kien wieħed spettakolari. Eluf kienu qed jistennew l-istatwa titfaċċa fi Triq San Ġużepp fid-daħla lejn il-pjazza ta’ San Ġorġ. F’atmosfera mill-isbaħ ta’ ċapċip u kant ta’ l-innu “Ġorġi tagħna” li ndaqq għal aktar minn darba l-istatwa sabet postha lura fil-maqdes tagħha, maqdes li ħamsin sena ilu ġie mżejjen bit-titlu ta’ bażilika – il-maqdes tagħna lkoll membri tal-komunità parrokkjali Ġorġjana.

Wara tmiem il-purċissjoni, il-marċ ta’ l-aħħar mill-banda ċittadina ‘La Stella’ minn quddiem il-każin sa pjazza San Ġorġ, għalaq dawn il-festi kbar f’ġieħ il-protettur setgħan tagħna San Ġorġ Megalomartri. Kemm kellu raġun is-sur Anton Tabone meta tenna li l-festa tagħna hija l-aktar waħda popolari fi gżiritna! Minn dak iż-żmien ’l hawn il-festa kibret u żammet postha fuq quddiem nett. Iva, dik kienet il-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin – storja oħra ta’ suċċess għalina l-Ġorġjani! Kellu raġun tassew….

Ritratti: Joe Attard

22/07/2008