“IL-FESTA, L-AKTAR POPOLARI TAL-GŻIRA”
Illum, Jum il-festa tal-Patrun tad-djoċesi u ta’ beltna San Ġorġ Megalomartri, jum tant għażiż iċċelebrat bil-kbir fil-belt Għawdxija. Fit-8.30am nibdew dan il-jum b’pontifikal solenni fil-knisja proto-parrokkjali tal-belt Victoria, immexxi mill-ET Mons. Isqof Mario Grech. L-assemblea liturġika ser tkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Dr Edward Fenech Adami. F’dan il-pontifikal solenni tindaqq il-“Mass in D in honour of St George”, xogħol impekkabli tal-Prof. Joseph Vella. Wara li jintemm dan il-pontifikal solenni jkun imiss il-marċ il-kbir ta’ filgħodu bis-sehem ta’ żewġ baned Maltin, il-banda ‘San Ġorġ Martri’ ta’ Ħal-Qormi u l-banda ‘Stella Maris’ ta’ Sliema. Minn hawn, nagħmlu appell liż-żgħażagħ tagħna biex f’marċ bħal dan inkunu eżemplari bħalma konna fil-marċi brijużi li saru s’issa. Ejjew niċċelebraw dan il-jum u nagħtu ġieħ lill-Patrun tagħna, fil-qalba ta’ beltna b’mod xieraq li jagħmel unur lilna u li jagħti pjaċir lil dawk l-eluf li jingħaqdu magħna.
Intant, filgħaxija jkun imiss il-Purċissjoni solenni li toħroġ mill-bażilika urbana, omm il-parroċċi tal-gżira Għawdxija. Mal-ħruġ tal-purċissjoni l-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ ssellem lill-istatwa ta’ San Ġorġ bid-daqq ta’ l-innu immortali “A San Giorgio Martire” kompożizzjoni ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella. Wara l-istess banda takkumpanja l-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna.
Aktar aġġornamenti fuq dan is-sit isiru nhar it-Tnejn 21 ta’ Lulju, l-għada tal-festa f’ġieħ il-Patrun tagħna San Ġorġ Megalomartri, fejn nagħtu ħarsa lejn il-marċ tas-Sibt filgħodu, il-marċ singolari ta’ lejlet il-festa filgħaxija, u ċ-ċelebrazzjonijiet kollha ta’ nhar il-festa.
F’isem is-Soċjetà ‘La Stella’ nawguraw il-festa t-tajba lil kulħadd, b’mod speċjali lil dawk l-emigranti li jżuru dan is-sit b’mod regolari u li ma setgħux jingħaqdu magħna f’dawn il-jiem ta’ festa. Il-festa t-tajba lil kulħadd. VIVA SAN ĠORĠ MARTRI!