IL-BELT VICTORIA TITLEF ŻEWĠ SAĊERDOTI EŻEMPLARI
Din il-ġimgħa se tibqa mfakkra għat-telfa ta’ żewġ saċerdoti eżemplari, il-Kan. Dun Ġużepp Sacco mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ u Dun George Mercieca mill-Parroċċa tal-Katidral.
Dun Ġużepp Sacco, li kien membru tal-Kapitlu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, twieled fil-5 ta’ Awwissu 1935 u ħalliena il-bieraħ 21 ta’ Jannar 2015. Dun Ġużepp, jibqa mfakkar għall-umiltà u dedikazzjoni li kellu f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-parroċċa. L-impenn tiegħu lejn il-knisja baqa’ sal-aħħar nett anke meta forsi ma tantx kien għadu jiflaħ. Dun Ġużepp kien konti issibu kważi dejjem fil-konfessjonarju kif ukoll parteċipi fil-funzjonijiet li jkun hemm fil-parroċċa matul is-sena. L-impenn tiegħu kemm mal-abbatini kif ukoll mal-grupp tal-vokazzjonijiet kien wieħed kontinwu żgur li se jinħass in-nuqqas tiegħu. Dun Ġużepp serva f’diversi karigi kemm fil-Kurja ta’ Għawdex, fil-Legion of Mary kif ukoll fil-Moviment Azzjoni Soċjali.
Il-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt 24 ta’ Jannar 2015. Fis-2pm se jkun espost fil-Knisja ta’ San Ġakbu minn fejn jitlaq għall-Bażilika ta’ San Ġorġ fit-3.30pm. Fl-4pm tibda l-quddiesa immexija mill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana.
__________________________________________________________________________
Intant dalgħodu tħabbret ukoll il-mewt ta’ Dun George Mercieca, saċerdot mill-Parroċċa tal-Katidral. Huwa twieled fis-7 ta’ Settembru 1944 u kien għalliem ta’ diversi suġġetti fl-iskejjel. Imma Dun George forsi jibqa mfakkar l-aktar għal kitbiet tiegħu fostom numru kbir ta’ poeżiji ddedikati lil Ommna Marija. Dun George kellu wkoll imħabba kbira lejn San Ġorġ Martri, tant li kien ippubblika ktieb dwar il-ħajja tal-qaddis u matul is-snin kitiblu diversi poeżiji. L-aħħar waħda li kitbilna ġiet ippubblikata fil-ktieb tal-Festa tal-2013. Dun George jibqa’ mfakkar ukoll għas-servizz li kien jagħti fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ kull meta kien ikun hemm bżonn.
Il-Funeral tiegħu se jsir nhar it-Tnejn 26 ta’ Jannar 2015. Fis-2pm se jkun espost għall-pubbliku fiċ-Ċentru Parrokkjali fi Triq l-Arċipriet Saver Cassar. Fl-4.30pm tibda l-quddiesa tal-funeral fil-Katidral ta’ Għawdex.
Poeżija ppubblikata fil-Ktieb Festi San Ġorġ 2013
San Ġorġ u l-Bandiera Maltija
Dun George Mercieca
Hekk bajda u ħamra biss ried il-Poeta
Dun Karm jarak, bandiera sbejħa tagħna;
ma riedx ilwien oħrajn iħassru ġmielek,
biex minn fuq dahrek dak li jkun jistagħna.
Ried jarak ħielsa mill-irbit u l-ktajjen,
bis-sebħ, bil-ferħ u s-sliem dejjem mogħnija
biex turi l-qawwa tal-imħabba tiegħek,
u tkun eżempju ħaj ta’ ġid, bżulija.
Ma riedx jarak tiġġarraf minn ħbit l-għadu,
li s-sema blu jiċċappas bil-mistħija;
bil-baħar ċar kristall riedek tiddawwar,
u tibqa’ dejjem sbejħa fix-xjuħija.
Il-labra ta’ San Ġorġ li hmiżt ma’ ħwejġek
ma naqqset xejn mil-lwien u mis-sbuħija;
saret bħal biċċa minnek, twaħħdet miegħek,
u mlietek b’ġieħ u sebħ, b’seħer u dija.
Dan is-salib għalik jibqa’ t-tifkira
tal-qalb kbira li kellek tul l-istorja,
swielek il-ġuħ u d-demm, imwiet u dnewwa,
u jixhed kullimkien tiegħek il-glorja.
Jalla San Ġorġ hemm jibqa’ jsaltan miegħek,
u tibqa’ bih tisseqqer b’ferħ mimlija;
jalla ma jneħħihulek ħadd minn ġismek
ħa tibqa’ sħiħa tperper fl-art Maltija!
29 ta’ April 2013
Il-Belt Victoria
Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-kondoljanzi tagħna liż-żewġ familji u l-ħbieb tagħhom kollha. Agħtihom O’ Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.