IL-BANDA TTEMM B’ UNUR L-ISTAĠUN TAL-FESTI
Il-Banda Ċittadina La Stella nhar is-Sibt li għadda temmet l-istaġun impenjattiv tagħha ta’ servizzi tas-Sajf bi programm mużikali fil-pjazza ta’ Għajnsielem, lejlet il-festa titulari tal-Madonna ta’ Loreto, taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha l-Professur Joseph Vella. Ċertament kien mument ieħor fejn il-Banda La Stella onorat bl-aħjar mod possibbli l-istedina li saritilha. Dan ma jikkonfermawhx biss dawk li kienu preżenti għall-programm f’Għajnsielem, imma kull min din is-sena kien preżenti għan-numru kbir ta’ servizzi li l-Banda kellha sa mill-bidu tas-Sajf, li, kif jaf kulħadd, ma kinux wieħed jew tnejn!
Bħalma għamel fil-ġimgħat li għaddew, dan is-sit ser jagħti detall tal-biċċiet mużikali li ndaqqew waqt l-aħħar programm mużikali. In-numru kbir ta’ nies li segwew lill-banda mill-pjazza u minn fuq it-taraġ tal-knisja ta’ Għajnsielem setgħu jgawdu l-isbaħ noti ta’; Estudiantina: Emile Waldteufel Thriller – Michael Jackson, Don’t cry for me Argentina – Andrew Lloyd Weber, Theme from the Godfather – Nino Rota, Baby Elephant Walk – Henry Mancini, Vienna Life Waltz – Johann Strauss, Trumpet Tune – Henry Purcell, The Band at the opera, You’re the devil in disguise – Elvis Presley, Bossanova, Preludio Traviata – Giuseppe Verdi, Romance in Ab – Sunny Galea u l- Ballet Parisien – Jacques Offenbach.
Matul dan l-aħħar staġun il-Banda La Stella esegwiet programm mużikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar, akkumpanjat il-purċissjoni ta’ Kristu Salvatur fl-Għasri, esegwiet programm mużikali fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Fontana lejlet il-festa u l-għada akkumpanjat l-purċissjoni titulari tal-Qalb ta’ Ġesù. Fir-raħal tax-Xewkija għamlet programm muzikali f’jum il-festa ta’ San Ġwann il-Battista, u fl-okkażjoni tal-festa ta’ l-Imnarja għamlet żewġ marċijiet kbar, nhar it-tieni ġurnata tat-tridu u lejlet il-festa fin-Nadur.
Qabel il-festa ta’ San Ġorġ l-Banda tkun diġà għamlet seba servizzi: programmi u marċijiet li tagħmilhom fuq stedina tal-parroċċi u baned ħbieb li sa minn ħafna snin ilu dejjem sabu fil-Banda La Stella l-kumpless mużikali ewlieni li akkumpanjahom fil-mumenti festivi tal-komunitajiet tagħhom. Allura l-Banda La Stella ma torganizzax hi l-programmi biex iżżomm ruħha impenjata f’dawn ix-xhur, imma tonora bi pjaċir u trodd lura b’suċċess il-fiduċja u l-ħbiberija tal-komunitajiet li jkunu jiċċelebraw il-festa tagħhom.
Għal sena oħra ma setgħetx tonqos il-festa ta’ San Ġorġ, li matul il-jiem li jwasslu għat-tielet Ħadd ta’ Lulju timpenja lill-Banda La Stella f’xejn inqas minn tmien servizzi, ilkoll popolari u kalamita ta’ mases kbar ta’ nies li kienu konsistenti, anzi żiedu fin-numru sa l-aħħar jum tal-festa. M’hux il-waqt hawn li ntennu mill-ġdid is-suċċessi li sena wara sena l-Banda tagħna tagħmel bis-sehem tagħha bħala kumpless mużikali fil-festa kif ukoll bħala organizzatur ewlieni tal-festi esterni f’ġieħ il-Patrun tal-Belt Victoria u ta’ Għawdex.
Il-Banda La Stella ma tistrieħx lanqas wara li tintemm il-festa prinċipali ta’ Għawdex. Bħas-snin l-imgħoddija l-Banda tellgħet programm mużikali mill-aqwa fir-raħal Ta’ Sannat, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Margerita, parroċċa li magħha s-Soċjetà La Stella għandha rabtiet eċċellenti. Fir-raħal tal-Qala din is-sena għall-ewwel darba wkoll il-Banda Ċittadina La Stella esegwiet programm mużikali fil-pjazza lejlet il-festa, programm li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-organizzaturi tal-festa u l-pubbliku, u li b’hekk jawgura tajjeb għal aktar servizzi fis-snin li ġejjin. Anki f’Awwissu, ix-xahar marbut ma’ l-aqwa tal-btajjel tas-Sajf, meta Għawdex ikun mimli nies li jiġu jgawdu l-mistrieħ tagħhom fejn il-baħar jew f’residenzi f’postijiet pittoreski tal-gżira, is-Soċjetà Filarmonika La Stella qabel il-qofol tal-vaganzi, tagħmel żewġ servizzi f’raħal ħabib u għażiż, dak ta’ San Lawrenz. Din is-sena wkoll il-Banda għamlet marċ lejlet il-festa u wara esegwiet l-innu l-kbir, u l-għada, nhar il-festa, tellgħet programm mużikali fil-pjazza prinċipali tar-raħal.
Lejn tmiem l-istaġun tal-festi l-Banda La Stella temmet l-impenji tagħha bi programm mużikali fiż-Żebbuġ u ieħor lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem. Dawn kienu l-aħħar żewġ servizzi tas-Sajf, f’lista twila ta’ appuntamenti li tixhed waħidha għall-popolarità inkomparabbli li, sena fuq oħra, il-Banda Ċittadina La Stella qed tkompli żżomm, anki tkabbar, fost l-organizzaturi tal-festi Għawdxin u d-dilettanti tal-mużika bandistika ta’ l-ogħla livell. Naturalment, il-preżenza tal-Professur Vella fit-tmexxija mużikali tagħha, kif ilu għal dawn l-aħħar erbgħin sena, tkompli tistumulaha għal aktar suċċessi fil-qasam tagħha. Bi storja glorjuża wara daharha, fuq l-għatba tal-mija u ħamsin anniversarju mill-oriġini tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, il-Banda, li hi l-pern tas-soċjetà mużikali kollha, għandha futur quddiemha li hu tassew prevedibbli: suċċessi f’kull qasam li tmiss miegħu!
Il-gratitudni tal-partitarju u l-ammiratur tal-banda għandha ddur lejn l-bandisti li, servizz wara ieħor, onoraw l-impenn tagħhom, impenn li jżid fil-valur tiegħu meta tara li anki n-nukleu żagħżugħ ġie mdakkar minn dik l-imħabba u lealtà lejn il-Banda. Dan hu suċċess li ma jinbeniex bir-rapporti li niktbu, mimlijin kliem sabiħ, imqiegħed f’postu u mżejjen, imma bl-impenn tal-bandisti tagħna li jagħtu l-aħjar lill-pubbliku, ħalli hekk il-kwalità indiskussa tal-Banda tagħna tibqa’ bla mittiefsa għall-ġejjieni.