Join Us On:

News Archive

IL-BANDA “LA STELLA” U L-KUNĊIZZJONI

Il-Banda Ċittadina La Stella hija waħda marbuta mal-festi Għawdxin li jiġu ċċelebrati f’ġieh l-Immakulata. Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ġiet imwaqqfa legalment fil-11 ta’ Jannar 1881 u dejjem qieset din il-festa ta’ l-Immakulata bħala dik sekondarja għall-festa tagħha, wara dik tal-Patrun tagħha San Ġorġ. Mhux biss kienet tieħu ħsieb din il-festa, li tiġi ċċelebrata fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Victoria, iżda anke kienet tieħu ħsieb il-festa ċċelebrata fir-raħal tal-Qala fejn issir purċissjoni nhar il-festa tagħha. Biex jaqdi din il-festa tal-Qala wkoll, Mro. Giuseppe Giardini Vella kien jieħu ħsieb jarma żewġ baned biex fl-istess ħin kien imexxi żewġ purċissjonijiet devoti f’ġieh Marija Immakulata li jservu kemm fir-Rabat, kif ukoll fil-Qala.

Il-festa tal-Kunċizzjoni fir-Rabat kienet issir dejjem b’għamla distinta, tant li l-E.T. Mons. Isqof kien dejjem jaħtar saċerdot żelanti biex jieħu ħsieb din il-festa. Din il-festa tiġi ċċelebrata b’sens siewi u ta’ ħrara mill-banda tagħna li kienet tieħu bl-akbar serjetà s-servizzi tagħha. Is-servizzi kienu jkunu distinti u mħarsa bl-akbar rispett. Matul is-snin li għaddew il-banda kien ikollha marċ u programm fi Pjazza San Franġisk lejlet il-festa. Kollox kien isir bil-galbu. Nhar il-festa, il-banda kienet tagħmel marċ brijuż matul it-toroq tal-Belt Victoria. Niftakru sew li wara s-snin ħamsin dan il-marċ kien jgħaddi minn ħdejn San Ġorġ u jieqaf ħdejn id-dar ta’ Dun Ġużepp Borg, illum Kanonku tal-Kolleġjata ta’ San Ġorġ, li dik il-ħabta l-Isqof kien ħatru il-Prokuratur ta’ din il-festa. Fi tmiem il-festa, il-banda kienet iddoqq l-Innu ‘Lodate Maria’ ta’ Mro. Flamingo u wara l-banda kienet takkumpanja sollennament il-purċissjoni mat-toroq prinċipali tal-Belt Victoria. Ta’ min ifakkar li, fi żmien Dun Ġużepp Borg, kien ingħata stendard lis-Soċjetà tifkira ta’ din l-okkażjoni. L-istendard kien irregalat mill-partitarji ġorġjani li joqogħdu ħdejn dan il-kunvent u jġib fuqu l-arma tal-Madonna mdawwra bl-istilel.

Maż-żmien l-andament tal-festi jitbiddel u jieħu sura oħra. Fis-snin ħamsin inqala’ inkwiet bejn il-baned tal-Belt Victoria, rigward min suppost kellu jakkumpanja l-purċissjoni ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, u għal xi snin il-Banda La Stella baqgħet ma ħaditx sehem. Iżda fid-dinja kollox jerġa’ jiġi f’postu. Kien fis-sena 1956 meta tbierku l-qniepen tal-knisja konventwali ta’ San Franġisk li kollox ġie lura għan-normal u l-Banda La Stella reġgħet bdiet iddoqq b’mod regolari. Minn dak iż-żmien ’l hawn is-sehem tal-Banda La Stella baqa’ dejjem għaddej. Is-sehem tal-banda għadu wieħed distint u s-Soċjetà tagħtih importanza kbira.

Fis-sena 1970 din il-festa ngħatat spinta biex tikber il-popolarità tagħha. L-iskultur Rabti, Joseph Sagona, ġie mqabbad jagħmel disinn ta’ statwa tal-Kunċizzjoni, devota u ta’ qies normali biex tibda tittella’ fuq pedistall li jintrama fi Pjazza San Franġisk. Ix-xogħol intgħoġob u ta’ kull sena lejlet il-festa, il-Banda La Stella tagħmel marċ madwar it-triqat ta’ wara San Franġisk bl-istatwa ħelwa tal-Immakulata. L-istatwa kienet tittella’ bid-daqq ta’ l-innu grazzjuż li nkiteb mill-Prof. Joseph Vella.

Il-festa tagħmilha l-banda u l-armar. Pjazza San Franġisk dejjem kienet tkun armata għall-festa. Kienet is-Soċjetà La Stella li kienet tgħaddi l-antarjoli għal madwar il-pjazza kif ukoll xi pedistalli għall-istatwi li jkollha. Maż-żmien l-armar kiber u llum din il-pjazza għandha l-armar kollu ġdid tagħha. Pjazza San Franġisk tgawdi l-attrezzament ta’ armar sabiħ ħafna li jkompli jkabbar din il-festa li tiġi fil-qalba tax-xitwa.

Fis-sena 1988 is-Soċjetà Filarmonika La Stella għaddiet pedistall għoli li fuqu bdiet tittella’ l-istatwa flok l-ieħor li kien hemm qabel. Dan il-pedistall kien użat biex fuqu, fil-festa ta’ San Ġorġ kienet titqiegħed l-istatwa ta’ l-Imperatriċi Alessandra. Dan sar bil-ħsieb li jiġi rranġat u miżbugħ. Illum il-ġurnata f’din il-festa nsibu pedistall sabiħ, li nħadem b’għożża kbira mid-dilettanti tal-festa. Ix-xogħol sar fuq disinn ta’ Michael Camilleri Cauchi li, mhux biss għandu l-istint tiegħu, iżda ħadmu b’attenzjoni u reqqa billi hu mwieled u għex wara San Franġisk. Dan il-pedistall hu wieħed sabiħ, bi skultura sabiħa mmens li tkompli żżejjen lil din il-pjazza. Inħadem minn Ino Attard u minn Ġanni Zammit u ġie ndurat kollu kemm hu minn Ġorġ Mizzi. Id-disinji ġew maħduma minn Michael u ibnu Adonai Camillieri Cauchi. It-tarjolja tal-pedistall il-ġdid ġiet maħduma minn Raymond Zammit u d-dawl tiegħu ġie maħdum minn Ġorġ Zammit u minn Ġużeppi Cardona.Ta’ min jgħid li Pawlu Aquilina, residenti minn wara l-knisja, ħadem statwa ġdida tal-Kunċizzjoni li ħadet post l-oħra li kien hemm qabel.

Okkażjoni sabiħa li wieħed ma jridx jinsa jsemmi hi dik li ġrat fis-sena 1998. Kienet il-150 sena minn meta waslet f’Għawdex l-istatwa artistika ta’ l-Immakulata. Il-marċ ta’ lejlet il-festa beda minn quddiem il-Victoria Hotspurs F.C. X’ħin il-marċ wasal quddiem il-knisja ta’ San Franġisk, il-Gwardjan Patri George Attard, f’isem il-Patrijiet u l-Kumitat tal-Festa tal-Kunċizzjoni, irregala stendard bil-figura ta’ l-istatwa tal-Kunċizzjoni mpittra fuqu mill-artist Austin Camilleri. Din l-għotja saret lill-Viċi President tas-Soċjetà, is-Sur George Borg fl-okkażjoni ta’ din il-festa. George Borg, fost affarijiet oħra, irrimarka li s-Soċjetà tagħna ser iżżomm dan l-istendard b’għożża kbira ma’ l-oħrajn li diġa’ kellha.

Il-Kunċizzjoni dejjem kellha stima kbira fost il-partitarji ta’ l-Istilla u dejjem ħadmu biex din il-festa tinżamm bl-akbar għożża u ferħ. Id-daqq ħlejju tal-banda, flimkien ma’ l-innijiet sbieħ li jiġu kantati, iferrħu u jimlew ’il qalb, kollha ħeġġa, speċjalment fl-aħħar mumenti tal-purċissjoni hekk kif tkun dieħla lura fil-knisja. Il-Kunċizzjoni hija l-festa li s-Soċjetà tagħna dejjem tistenna u tħares lejha b’rispett u b’għożża kbira.