Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-ĠIMGĦA MQADDSA

Wara r-rekording tas-sett ġdid ta’ marċi funebri, imiss issa li dawn il-marċi jindaqqu fil-pubbliku waqt il-purċissjoni mill-aktar devota tal-Ġimgħa l-Kbira li ser toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria. Din il-purċissjoni li zgur tmur lura qabel is-sena 1788 hija waħda mill-aktar purċissjonijiet antiki u devoti fil-gzejjer Maltin. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira hekk kif tintemm il-liturġija solenni b’tifkira tal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu fil-bażilika, il-banda ċittadina u dekana “La Stella” tilqa’ l-ħruġ tal-purċissjoni fi pjazza San Ġorġ, biex eventwalment x’ħin titfaċċa l-vara l-kbira bil-kurċifiss mirakuluż li nħadem fl-injam fl-1848 minn Pietru Pawl Azzopardi, il-banda ssib postha quddiemha u timmarċja madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna bid-daqq ta’ marċi funebri. Fost il-marċi li ser jindaqqu din is-sena nsibu kompożizzjonijiet tas-Surmast direttur Joseph Vella, Giuseppe Giardini Vella u oħrajn ta’ George Borg, Mario Galea, John Galea, Antonio Oddo u marċ ieħor mill-pinna tal-kompożitur Sqalli Giovanni Giumarra.

Fl-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li qatt eżistiet fil-gżira Għawdxija, minbarra l-banda ċittadina u dekana “La Stella” jieħdu sehem ukoll il-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” (direttur: Fr. George J. Frendo; leader: Dr Maria Frendo), il-fratellanza tal-Kurċifiss li taf il-bidu tagħha fl-1893, u fuq kollox il-kapitlu tal-Kolleġġjata Lateranensi, u l-kleru tal-parroċċa tal-belt Victoria. Dawn jakkumpanjaw sett ta’ tmien vari li juru diversi mumenti mill-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Din is-sena, il-purċissjoni mill-bażilika ta’ San Ġorġ ser tkun l-uniku waħda li toħroġ f’beltna. Dan minħabba l-fatt li għal diversi raġunijiet (kif anke gie rappuratat fuq diversi sezzjonijiet tal-media lokali) il-parroċċa tal-katidral għażlet li ma toħroġx il-purċissjoni tagħha li din id-darba kellha ssir nhar Ħadd il-Palm. Għalkemm il-purċissjoni devota tal-Ġimgħa l-Kbira mill-bażilika ta’ San Ġorġ ilha toħroġ għal aktar minn mitejn sena, dik mill-parroċċa tal-katidral ilha toħroġ għal dawn l-aħħar erbgħin sena biss, ftit żmien wara li l-Knisja Arċi-Matriċi tal-belt u l-knisja katidrali nfirdu. Is-sena d-dieħla mbagħad ikun imiss lill-parroċċa tal-katidral li toħroġ il-purċissjoni tagħha fil-jum proprju tagħha, u għalhekk dik mill-bażilika ta’ San Ġorġ toħroġ f’Ħamis ix-Xirka.

Intant il-banda “La Stella”, f’din il-ġimgħa minbarra li tkun impenjata f’jum il-Ġimgħa l-Kbira tieħu sehem ukoll fid-dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt (xogħol fl-injam ta’ Alfred Camilleri Cauchi) li toħroġ mill-bażilika urbana nhar Ħadd il-Għid fid-8.45 ta’ filgħodu.

_________________________________________________________________________________________________________

BANDISTA ĠDIDA MAL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’

Patricia Refalo (Saxophone Alto)

Twieldet ġewwa New York City, New York, U.S.A. fit-29 ta’ Jannar, 1975. Attendiet l-iskola Primarja Anton Cassar, t’Għajnsielem, ir-raħal fejn trabbiet, kif ukoll Can. G P Agius de Soldanis Girl’s Junior Lyceum u Sir Michelang Refalo Centre for Further Studies, it-tnejn ġewwa r-Rabat. Gradwat mill-Universita ta’ Malta fil-Filosofija u s-Soċjoloġija fl-2003 u hija Executive Officer mas-Servizz Pubbliku u taħdem fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Patricia hija mart is-Sur George Refalo B.A. M.A.(ISSS), bandist tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ u joqogħdu ta’ Kercem. Hija bdiet l-ewwel taħriġ tagħha fit-teorija tal-mużika mar-raġel tagħha stess u wara fuq l-istrument Saxophone Alto Eb ma’ silfha s-Sur Michel Refalo, bandist ukoll ta’ l-istess Soċjetà. Ser iddoqq għall-ewwel darba fil-pubbliku mas-Soċ. Fil. La Stella nhar il-21 ta’ Marzu, 2008 fil-purċissjoni devota tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Bażilka ta’ San Ġorġ.