Il-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-FESTA TAL-ASSUNTA
Nhar is-Sibt li għadda, il-banda ċittadina u dekana La Stella kienet mistiedna fir-raħal taż-Żebbuġ, biex tagħmel programm mużikali fil-pjazza tar-raħal fl-okkażjoni tal-festa ta’ l-Assunta. Bħas-snin l-imgħoddija l-banda tagħna tellgħet programm mużikali mill-isbaħ b’mużika varjata, taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella. Il-banda daqqet siltiet popolari mill-pinna ta’ kompożituri varji, li tassew intgħoġbu mill-udjenza preżenti fosthom numru kbir ta’ turisti. Fost is-siltiet mużikali li ġew esegwiti kellna: l-Overture No. 1 ta’ Sunny Galea, Selection mill-Opra Norma ta’ Vincenzo Bellini; Italian Festival ta’ Glenn Osser; The Wind beneath my wings ta’ L. Henley u J. Silbar u Night at the Ballet ta’ P. I. Tchaikovsky b’siltiet mill-isbaħ ta’ uħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ dan il-kompożitur fosthom Nut Cracker, Romeo and Juliet u Swan Lake.
Dan kien it-tnax-il servizz li għamlet il-banda tagħna barra l-belt Victoria dan is-Sajf. Is-servizz li jmiss li jagħlaq l-impenji tal-banda tagħna għas-Sajf 2008 huwa ġewwa Għajnsielem fil-marċ mill-aktar popolari ta’ lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu. Minn hemm imbagħad tibda l-preparazzjoni għal avveniment annwali u mill-aktar importanti: il-programm mużikali ta’ Novembru ġewwa t-Teatru Astra.
25/08/2008