Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA FIL-FESTA TA’ SANTA MARGERITA

Wara n-numru twil ta’ impenji marbuta mal-festi ta’ San Ġorġ iċċelebrati fil-belt Victoria, il-banda ċittadina La Stella kompliet bis-servizzi tagħha fil-festi f’Għawdex. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien imiss ir-raħal ta’ Sannat, raħal ieħor marbut sew mas-Soċjeta’ tagħna, li jiċċelebra l-festa ta’ Santa Margerita Verġni u Martri. Il-banda La Stella ilha tagħti s-sehem tagħha f’dan ir-raħal għal numru twil ta’ snin. Qabel ma’ ġiet iffurmata l-banda tar-raħal ta’ Sannat, il-banda dekana kienet minn dejjem iddoqq l-innu l-kbir ta’ Giuseppe Giardini Vella waqt il-ħruġ tal-purċissjoni. Issa dan l-irwol ħaditu kif jixraq il-banda Santa Margerita ta’ Sannat. 

Il-banda tagħna pero’ xorta baqgħet tiġi mistiedna tagħmel marċ qabel il-ħruġ tal-purċissjoni u eżattament wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Nhar il-Ħadd, fis-7.00pm il-banda bdiet marċ mill-inħawi Ta’ Ċenċ u ntemm fil-pjazza tar-raħal. Sakemm indaqq l-innu l-kbir mill-banda ta’ Sannat, il-banda La Stella ġiet mistiedna fil-każin tal-banda Santa Margerita għal bibita qasira. Dritt wara l-banda sabet postha fuq il-planċier fejn hemm esegwiet sitt biċċiet mużikali li bħas-soltu varjaw minn mużika kontemporanja għal mużika aktar klassika. 

Il-banda, taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof Joseph Vella, fetħet il-programm bis-silta Italian Festival: silta mużikali ħelwa ħafna b’selezzjoni ta’ kanzunetti popolari Taljani. Il-programm mużikali kompla bl-esekuzzjoni tal-kanzunetta The Wind beneath my wings – silta popolari ta’ J. Silbar u L. Henley. Kien imiss imbagħad li ngħaddu għal silta oħra din id-darba mill-film popolarissimu Ben-hur. Hawn il-banda daqqet The Parade of the Charioteers – bla dubju l-aktar silta mużikali famuża minn dan il-film kolossali. Mill-mużika tal-film Ben-hur  għaddejna għal silta oħra b’selezzjonijiet ta’ diversi opri liriċi famużi fuq arranġament ta’ Joseph Compello. Fis-silta The Band at the Opera smajna selezzjoni mill-opri Carmen, William Tell, Pagliacci u Il Trovatore.

Mid-dinja tal-opra morna għas-snin tmenin b’silta oħra bl-isem Eighties Flasback li fiha tiġbor numru ta’ kanzunetti famużi minn dawn is-snin – kanzunetti li jibqgħu popolari għal dejjem. L-arranġament ta’ din is-silta huwa ta’ Paul Murtha. Il-banda għalqet il-programm bl-esekuzzjoni ta’ The Night at the Ballet – silta mużikali b’selezzjonijiet mill-ballets ferm aktar popolari tal-kompożitur Russu Tchaikovsky: The Nutcracker; Romeo and Juliet u Swan Lake.

Intant il-banda La Stella, tkompli bl-impenji tagħha fl-istaġun tal-festi 2009 ġewwal l-Qala nhar is-Sibt li ġej, fejn ser tieħu sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Ġużepp.

Photos: James L. Borg