Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ FIL-QALA

Il-banda ċittadina “La Stella”, il-bieraħ kompliet bl-impenji tagħha fil-festi ġewwa l-gżira t’Għawdex. Fil-fatt il-bieraħ il-banda għal darb’oħra ġiet mistiedna ddoqq waqt il-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ġewwa r-raħal tal-Qala, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp. Dan kien it-tmien servizz barra l-belt Victoria, għall-banda tagħna dan is-sajf.

F’dan il-marċ popolari li għadda mit-triq prinċipali tal-Qala, u ntemm fil-Pjazza ta’ l-istess raħal, il-banda “La Stella” daqqet marċi brijużi, flimkien mal-banda “San Ġużepp” t’Għajnsielem. F’din l-okkażjoni l-banda daqqet is-sett ta’ marċi ġodda li ġie mżanżan fl-okkażjoni tal-festa tal-Patrun t’Għawdex San Ġorġ Martri, fil-belt Victoria, marċi mill-isbaħ, mill-pinna ta’ wħud mill-aqwa kompożituri fi gżiritna, fosthom Vella, Abela Scolaro, Aquilina, Pullicino, Ciappara u oħrajn. Il-marċ li kien akkumpanjat minn briju kontinwu minn żgħażagħ Qalin, intemm fil-pjazza ewlenija tal-Qala, bid-daqq ta’ l-innu marċ, kompożizzjoni ta’ Vincenzo Ciappara, miż-żewġ baned mistiedna li daqqew bħala massed band. Il-marċ popolari ta’ lejlet il-festa fil-Qala, intwera wkoll f’xandira diretta fuq stazzjon televiżiv lokali.

Intant, il-ġimgħa d-dieħla, ikomplu l-impenji tal-banda tagħna, b’żewġ servizzi oħra fir-raħal ta’ San Lawrenz, fejn f’lejlet il-festa tieħu sehem f’marċ li jgħaddi mit-toroq ewlenin tar-raħal, u l-għada nhar il-festa, il-banda tesegwixxi l-innu l-kbir “A San Lorenzo Martire” waqt il-ħruġ tal-purċissjoni u wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.