Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ FIL-MUNXAR

Nhar il-Ħadd 30 ta’ Mejju 2010, il-banda ċittadina La Stella fetħet l-impenji tagħha fl-istaġun tal-festi, fl-ewwel festa ċċelebrata f’Għawdex – dik ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar. Il-banda bdiet dan is-servizz b’marċ qasir madwar it-toroq tar-raħal qabel il-purċissjoni li ntemm fil-pjazza prinċipali quddiem il-parroċċa. Hawn il-banda ġiet milqugħa mill-Kappillan, il-Kan. Tonio Galea, flimkien ma’ numru kbir ta’ parruċċani u persuni oħra li nġabru biex jassistu għall-ħruġ tal-purċissjoni. 

Il-banda mbagħad sabet postha fuq il-planċier biex minn hemm akkumpjat il-ħruġ tal-vara fil-bieb ewlieni tal-knisja parrokkjali, bid-daqq tal-innu ‘Lil San Pawl’ kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Wara ġie esegwit l-innu l-kbir kompożizzjoni tal-istess surmast bis-sehem tal-kor tal-parroċċa. Kien imiss imbagħad li jindaqq l-innu marċ xogħol il-kompożitur Vincenzo Ciappara. 

Hekk kif il-purċissjoni bdiet miexja, il-banda La Stella  li kienet taħt id-direzzjoni tal-assistent surmast tagħha, Mro Noel Beck, esegwiet programm mużikali fl-istess pjazza. Il-programm fetaħ bil-kompożizzjoni tal-ex assistent surmast Mro Sunny Galea: Romance in Ab.  Wara ndaqqet silta oħra mill-aktar ħelwa tal-kompożitur Harold J. Walter: Bossa Nova. It-tielet silta li ndaqqet kienet Trumpet Tune ta’ Henry Purcell fuq arranġament ta’ J. R. Gillette. Kien imiss is-silta The Band at the Opera b’selezzjoni ta’ diversi opri fuq arranġament ta’ Joseph Compello. Silta li ġiet milqugħa tajjeb ħafna kienet Thriller ta’ Rod Temperton fuq arranġament ta’ Jay Bocook, li ġiet esegwita b’mod mill-aqwa mill-bandisti tagħna. Il-programm għalaq bl-esekuzzjoni tal-valz mill-isbaħ Estudiantina ta’ Emile Waldteufel. Is-servizz intemm bid-daqq tal-innu marċ ta’ Vincenzo Ciappara.

Nhar il-Ħadd li ġej, il-banda tkun mill-ġdid impenjata f’żewġ okkażjonijiet. Filgħodu ser jiġi rrekordjat is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi għall-festa ta’ San Ġorġ, fuq il-palk tat-teatru Astra u mbagħad filgħaxija jkun imiss servizz ieħor – din id-darba fir-raħal tal-Għasri fejn ser tiġi ċċelebrata l-festa tal-Corpus. Hawn il-banda tagħmel marċ qabel il-purċissjoni u wara takkumpanja l-istess purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.

Ritratti: Parroċċa San Pawl, Munxar