IL-BANDA FILARMONIKA LA STELLA TAGHLAQ IL-11-IL EDIZZJONI TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA
Il-ħdax-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea tagħlaq nhar is-Sibt 17 ta’ Novembru bil-Kunċert Annwali Grandjuż tal-Banda Filarmonika La Stella, li matulu, kompożizzjoni ġdida ta’ mużiċist lokali se tindaqq għall-ewwel darba. Il-kunċert, li jibda fis-7.30pm, se jsir f’Teatru Astra. Id-dħul għalih hu b’xejn.
Il-kunċert sinfoniku hu l-appuntament l-iktar mistenni fix-xitwa għal din il-banda ta’ madwar 70 element, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Mro. Joseph Vella, u jwassal firxa wiesgħa ta’ mużika bandistika li tvarja minn mużika klassika, semi-klassika u sinfonika, minn soundtracks sal-opra.
Il-programm jinkludi mużika mis-soundtrack ta’ Miklós Rózsa għall-film Quo Vadis, l-overture ta’ Franz Von Suppé bl-isem ta’ Morning, Noon and Night in Vienna li kisbet popolarita’ kbira bl-użu tagħha fil-cartoons ta’ Bugs Bunny, kif ukoll arranġament għall-banda ta’ selezzjonijiet mill-opra Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini, li ttellgħet b’suċċess kbir f’żewġ serati f’Teatru Astra lejn tmiem ix-xahar li għadda.
Il-kunċert jinkludi wkoll Gypsy Rhapsody for Bb Clarinet solo and Symphonic Band ta’ Uri Hodorov, bis-sehem tas-solista George Apap, kif ukoll is-silta Concerto d’Amore ta’ Jacob de Haan, li tinkludi elementi ta’ mużika barokka, pop u jazz u li mistennija tinżel tajjeb ħafna ma’ dawk li jħobbu mużika bandistika kontemporanja. Silta oħra mistennija hi l-arranġament ġdid ta’ Denzil Stephen għall-kompozizzjoni Serenade ta’ Ricardo Eugenio Drigo mill-kompożizzjoni tiegħu Les Milions d’Arlequin, li hi silta mill-iktar imfittxija minn solisti tal-ewfonju u li issa se tindaqq b’arrangament ġdid specjalment għall-parti solista, li se tindaqq mis-solista Ino Attard.
Il-Kuncert Annwali Grandjuż jagħti wkoll prominenza lill-muzika lokali. Minbarra l-kompożizzjoni ferm magħrufa tal-Prof. Mro. Joseph Vella nnifsu – Rebbieħa għal banda, il-kunċert jinkludi l-première dinji tal-overture ta’ Mario Galea bl-isem Mediterranea, li nkitbet apposta s-sena li għaddiet fl-okkazjoni tal-għaxar anniversarju tal-festival.
Filwaqt li l-kunċert jibda fis-7.30pm, il-pubbliku hu mistenni jsib postu sas-7.15pm, bil-postijiet jingħataw fuq bażi ta’ first-come first-served. Iktar informazzjoni tinkiseb mis-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt jew 7925 6897.
Il-kunċert jagħlaq il-11-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat minn voluntieri fi ħdan Teatru Astra. L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival fetħet fil-25 t’Ottubru bl-ewwel minn żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra popolari Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini, li ġabet f’pajjiżna għall-ewwel darba flimkien lit-tliet kantanti tal-opra ta’ livell dinji – is-sopran Daniela Dessì, it-tenur Fabio Armiliato u l-baritonu Carlo Guelfi.
Festival Mediterranea isir bil-għajnuna ta’ Bank of Valletta, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti, u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.
(Ritratti: Joe Attard)