Join Us On:

News Archive

IL-BANDA DEKANA TTEMM BIL-KBIR FESTIVAL MEDITERRANEA

Ftaħna s-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea bl-opra ta’ Giacomo Puccini Turandot li ttellgħet darbtejn fit-Teatru Astra fl-aħħar ġimgħa t’Ottubru u għalaqnieh b’selezzjoni mill-opra Tosca tal-istess kompożitur esegwita mill-banda ċittadina u dekana La Stella s-Sibt li għadda fil-programm mużikali annwali tal-istess banda. B’hekk fakkarna b’mod mill-aktar xieraq il-150 sena mit-twelid ta’ dan il-kompożitur kbir Taljan.
 
Barra din is-selezzjoni, il-banda La Stella, daqqet numru ta’ siltiet mużikali oħra li varjaw minn siltiet klassiċi għal siltiet kontemporanji u oħrajn lokali. Il-kunċert sinfoniku, jew kif ħafna jafuh ‘il-programm ta’ Novembru’, huwa appuntament annwali għal dawk kollha li jħobbu l-mużika u l-baned f’pajjiżna; appuntament li għal din is-sena wkoll ġie inkluż mal-lista twila ta’ attivitajiet kulturali li ttellgħu bħala parti minn Festival Mediterranea ­– festival uniku mtella’ kollu kemm hu mis-Soċjetà Filarmonika La Stella.
 
Is-Soċjetà La Stella għażlet li l-programm mużikali annwali ta’ din is-sena jkun iddedikat lill-mibki imma żgur qatt minsi s-Sur Anton Vella li ħalliena f’nofs il-ġimgħa tal-festa li għaddiet proprju fis-16 ta’ Lulju 2008. Ma setax jonqos li s-Soċjetà turi l-apprezzament tagħha għal aktar minn erbgħin sena ta’ ħidma li Anton Vella ddedika lil din is-Soċjetà li huwa tant kien jgħożż. Tul dawn is-snin Anton Vella, magħruf ma’ ħafna minna bħala Anton ‘Dalli’ okkupa diversi karigi fi ħdan is-Soċjetà fosthom dawk ta’ Viċi-President u dik ta’ Segretarju.
 
F’dan il-programm mużikali għal darb’oħra kellna promozzjoni qawwija għall-kompożizzjonijet lokali u proprju din is-sena ġew inklużi kompożizzjonijiet ta’ Vincenzo Ciappara (ex aġent surmast tal-banda); Sunny Galea (ex assistent surmast tal-banda) u bla dubju kompożizzjoni tal-Professur Joseph Vella, is-surmast attwali tal-banda tagħna – surmast li ilu jokkupa din il-kariga għal dawn l-aħħar 38 sena.
 
L-ewwel silta mużikali li ndaqqet kienet il-marcia sinfonica ‘Sorrisi’ mill-pinna tas-surmast Vincenzo Ciappara u segwiet it-tieni overture mill-pinna ta’ Sunny Galea li ġabet l-isem ‘Melita’. Dawn iż-żewġ siltiet b’tema festiva u popolari ntlaqgħu tajjeb ferm mill-pubbliku preżenti, fejn fost l-oħrajn kellna numru kbir ta’ turisti li attendew għal din l-aħħar attività ta’ Festival Mediterranea.
 
Il-programm mużikali kompla bl-overture mill-opra ‘Tancredi’ mill-pinna ta’ Gioachino Rossini, silta li kienet tirrekjedi attenzjoni kbira b’mod speċjali mis-sezzjoni tal-qasba. Segwiet is-silta moderna u żgur mill-aktar popolari ‘The Lion King’. F’din is-silta kontemporanja ġew esegwiti siltiet minn dan il-film grandjuż ta’ Walt Disney fosthom: The Circle of Life; I just can’t wait to be king; Hakuna Matata; Can you feel the love tonight; u King of Pride Rock. Il-banda li kienet f’vena mill-aqwa tul il-programm kollu ħarġet l-aqwa tagħha u rrispondiet għad-direzzjoni ċara tas-surmast Joseph Vella.
 
Kien imiss silta mill-pinna ta’ dan is-surmast – surmast kompożitur li tassew bih tiftaħar is-Soċjetà tagħna. Ta’ kull sena l-banda tinkludi kompożizzjoni mil-lista twila ta’ kompożizzjonijiet tas-surmast Vella. L-għażla din is-sena waqgħet fuq selezzjoni mir-raba’ oratorio ta’ dan il-kompożitur – selezzjoni bl-isem ‘Rewwixta’.
 
Qabel indaqqet l-aħħar silta mużikali ġew onorati numru ta’ bandisti anzjani u ex bandisti tal-banda La Stella. Il-bandisti John Cauchi, John Farrugia u Nazzareno Galea ġew preżentati b’tifkira mill-president tas-Soċjetà Dr Joseph Grech, f’għeluq il-50 sena ta’ servizz li taw lill-banda tagħna. L-ex bandisti Mikelanġ Formosa, Mikelanġ Saliba, George Farrugia, George Mercieca, Salvu Fenech, u Sunny Galea ġew nominati bandisti onorarji tas-Soċjetà – apprezzament xieraq għas-servizz twil li taw lill-banda tagħna.
 
Il-banda La Stella għalqet dan il-programm grandjuż bl-esekuzzjoni impekkabbli ta’ selezzjoni mill-opra ‘Tosca’ – selezzjoni li inkludiet uħud mill-aktar arias magħrufa minn din l-opra fosthom: Recondite Armonia u Duet mill-ewwel att; l-aria Vissi d’Arte mit-tieni att; u l-aria E lucevan le stelle mit-tielet att. F’din is-selezzjoni kemm il-banda kif ukoll is-solisti Mario Galea, Michel Refalo, Anton Sacco u Mark Schembri ħarġu bl-unuri kollha.
 
Fost l-ogħla awtorijtajiet preżenti għal dan il-programm mużikali kien hemm is-Sindku tal-belt Victoria s-Sur Robert Tabone u s-sinjura Tabone, l-arċipriet tal-bażilika ta’ San Ġorġ, Mons. Pawlu Cardona u l-arċipriet emeritu u direttur spiritwali tas-Soċjetà, Mons. Ġużeppi Farrugia. Il-programm ġie preżentat mis-Sinjura Orietta Gatt.
 
Wieħed irid jirrimarka li għal dan il-programm mużikali l-banda La Stella daqqet bil-bandisti ‘tal-post’ biss – xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir għall-bandisti kollha, għas-surmast u l-assistent surmast direttur li ppreparaw il-banda b’mod tajjeb ħafna u għall-partitarji u għas-segwaċi kollha tal-banda tagħna. Dan ikompli jikkonferma li l-banda La Stella laħqet livell li jisboq bil-bosta dak ta’ baned oħra fi gżiritna u baqgħet tgawdi l-ogħla post fil-qasam bandistiku f’pajjiżna.

ritratti: Joe Attard