Join Us On:

News Archive

IKOMPLU L-PREPARAMENTI GĦALL-FESTA TA’ SAN ĠORĠ

Fil-ġranet li għaddew il-preparamenti għall-festa ta’ San Ġorġ bdew ikunu evidenti aktar hekk kif l-Għaqda tal-Armar tal-Festa ta’ San Ġorġ bdiet il-ħidma intensiva tagħha sabiex tarma l-pjazez u t-toroq tal-Belt Victoria għall-festa prinċipali tal-Belt Victoria.  L-Għaqda tal-Armar hi waħda mill-protagonisti ewlenin fil-festi esterni ta’ San Ġorġ u anke din is-sena, bħal ma għamlet fis-snin li għaddew, ser tkompli tarrikkixxi l-libsa li s-SoċjetàLa Stella ixxid fuq beltna biex issellem lil San Gorg, Patrun ta’ Gżiritna.
 
Minkejja l-impenji regolari tal-Banda La Stella li sa issa diġa kellha erba servizzi fil-festi tal-irħula ġewwa Għawdex, fdawn il-ġranet intemmu l-preparamenti sabiex jiġi varat s-sett il-ġdid ta’ marċijiet brijużi li effettivament jiġi mżanżan fil-ġranet tal-festa. Il-Banda La Stella fuq kollox hi l-protagonista ewlenija tal-festa ta’ San Ġorġ b’sehem distint matul il-ġimgħa tal-festa kollha.
 
Il-festa pero’ mhix banda u armar biss. L-Għaqda tan-Nar ilha s-sena kollha taħdem biex bħas soltu jkollna nar mill-isbaħ, hekk kif jixraq lill-Patrun ta’ Għawdex, San Ġorġ tagħna. Ix-xogħol tagħhom jikkonsisti wkoll fi ġbir ta’ fondi u attivitajiet ta’ fund raising, kollha għall-istess għan.
 
Sezzjoni oħra importanti hija dik tal-briju. Is-sezzjoni briju taħdem ukoll minn diversi ġimgħat qabel biex tlesti l-flokkijiet tal-festa, il-feature li kull sena jsir nhar ta’ Ħamis kif ukoll attivitajiet oħra relatati. Dan huwa qasam li jinteressa b’mod speċjali ż-żgħażagħ u adoloxxenti li bħal ma kulħadd jaf f’San Ġorġ ikun hawn ħafna minnhom matul il-ġimgħa kollha. Żgħażagħ li jimlew it-toroq u l-pjazez tagħna sa mill-ewwel ġurnata tal-ġimgħa tal-festa.
 
Il-festa tagħna tirrekjedi wkoll xogħol kbir mill-bord editorjali li kull sena jtella’ pubblikazzjoni dwar San Ġorġ u l-festa, li din is-sena se tkun it-38 edizzjoni. Bħas-soltu din is-sena se jkollna ktieb mimli tagħrif dwar San Ġorġ, l-istorja u l-arti, is-Soċjetà u temi oħra.
 
Naturalment dan kollu ma jkunx possibli jekk ma jkunx hemm l-għajnuna tagħna, speċjalment dik finanzjarja. L-ispejjeż ta’ kull sena jiżdiedu u għalhekk huwa importanti li aħna nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinu finanzjarjament lis-Soċjetà ħalli tkompli tagħmel festa unika kif jixraq lil San Ġorġ, Patrun t’Għawdex.
 
Ejjew mela lkoll flimkien inxammru l-kmiem ħalli din is-sena nagħmlu festa kbira, festa ta’ kultura, festa spiritwali, festa tal-familja Ġorġjana, festa ta’ poplu ! 

(Ara l-clip Festa San Ġorġ 2012)