IKOMPLU Ċ-ĊELEBRAZZJONIJIET ĠORĠJANI
Il-bieraħ l-Erbgħa 15 ta’ Lulju, l-ewwel jum tat-tridu, komplew bil-kbir il-festi esterni organizzati mis-Soċ. Filar. La Stella, bit-tieni dimostrazzjoni, bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Din id-dimostrazzjoni mill-aktar popolari bdiet fi Pjazza San Franġisk u ntemmet fi Pjazza San Ġorġ fejn hemmhekk l-istatwa ttellgħet fuq il-pedistall tagħha eżattament quddiem il-bażilika Ġorġjana.
Il-banda ċittadina La Stella mexxiet din id-dimostrazzjoni u għaldaqstant imxiet quddiem l-istatwa ta’ San Ġorġ. Ħadet sehem ukoll il-banda Santa Margerita ta’ Sannat li fl-ewwel parti tad-dimostrazzjoni mxiet wara l-istatwa u hekk kif iż-żewġ baned waslu fi Triq ir-Repubblika sabet postha maġenb il-banda La Stella. F’din l-okkażjoni l-banda dekana żanżnet is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi li jidher li għal sena oħra ntlaqgħu tajjeb ferm. Fi Triq ir-Repubblika l-banda daqqet marċi popolari tal-briju flimkien mal-innijiet Lill-Kbir Martri San Ġorġ u dak La Stella hekk kif waslet quddiem is-sede’ tagħha. Hawn spikka għal darb’oħra n-numru kbir ta’ żgħażagħ li nġabru u ħolqu briju grandjuż. Dan kompla sat-tlugħ ta’ l-istatwa fuq il-pedistall tagħha fi pjazza San Ġorġ fejn hemm intlaħaq il-qofol ta’ din id-dimostrazzjoni. Fi Pjazza San Ġorġ il-briju, il-kant u ċ-ċapċip kien bla waqfien minn xħin l-istatwa waslet fid-daħla tal-pjazza sakemm ittellgħet fuq il-pedistall lussuż tagħha.
Illum qed inkomplu nwasslulkom għadd sabiħ ta’ ritratti mid-dimostrazzjoni tal-bieraħ, grazzi għall-fotografu Joe Attard. Intant tajjeb li nfakkru li mill-bieraħ, dawk kollha li jżuru dan is-sit setgħu jsegwu ċ-ċelebrazzjonijiet kollha fi Triq ir-Repubblika b’mod dirett permezz ta’ camera li twaħlet quddiem il-każin La Stella. Wieħed jista’ jsegwi dawn iċ-ċelebrazzjonijiet b’mod dirett billi jagħfas fuq il-link li tidher fil-paġna prinċipali ta’ din il-websajt eżattament maġenb id-data tal-aħħar aġġornament.
Infakkru wkoll li l-ktieb tal-festa li din is-sena huwa ta’ kwalita’ ferm għolja jista’ jinkiseb mill-bar tal-każin La Stella. Fil-jiem li ġejjin ikollna ċ-ċans ukoll ntellgħu xi artiklu relatat ma’ din il-pubblikazzjoni annwali tas-Soċ. Filar. La Stella. L-appuntament tagħna magħkom għal għada b’aktar aġġornamenti u ritratti mill-festa ewlenija ta’ beltna f’ġieħ il-Kbir Martri San Ġorġ.