Join Us On:

News Archive

IKOMPLU Ċ-ĊELEBRAZZJONIJIET F’BELTNA

Dalgħodu, tkomplew bil-kbir il-festi esterni mill-Kumitat tas-Soċjetà ‘La Stella’. Dan il-jum ta’ ċelebrazzjonijiet, li diġa’ kien inbeda b’servizz reliġjuż fil-bażilika Urbana permezz ta’ quddiesa solenni u ta’ ringrazzjament f’għeluq il-ħamsin sena mit-tifkira ta’ l-ordinazzjoni saċerdotali tal-Kan. Maġġur Dun Ġużepp Borg, tkompla b’marċ tradizzjonali fl-10.00am.

Dan il-marc huwa ewlieni fil-festa tagħna peress li jkun marċ maħluq u ppjanat l-aktar għal dawk l-emigranti li ta’ kull sena jiġu jżuruna sabiex jgawdu magħna dawn il-festi singulari ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria.

Għal darb’oħra segwejna l-Banda Ċittadina ‘La Stella’ tagħti servizz ieħor b’risq din il-festa kbira. Il-marċ nbeda bl-innu ‘La Stella’ tas-surmast Giuseppe Giardini Vella u mbagħad tkompla bl-innu popolari ta’ San Ġorġ.

Il-banda mmarċjat lejn il-kazin ‘La Stella’ fejn bid-daqq tal-marċi festivi baqgħet dieħla ġol-foyer spazjuż tas-sede tagħha stess fost iċ-ċapċip ta’ dawk kollha preżenti.

Wara, kulħadd kien mistieden għal reception kbira offruta minn “David’s Caterers” ta’ Kerċem, Għawdex, reception li ssir fuq inizjattiva tal-bandist ħabrieki Mark Schembri, bandist li huwa eżempju ieħor ħaj fi ħdan is-soċjetà tagħna.

Saru messaġġi ta’ l-okkażjoni jew iktar minn hekk, ta’ apprezzament u ringrazzjamenti minn Dr. Joseph Grech, president tas-Soċjetà u anke minn Mons. Ġużeppi Farrugia, Arċipriet tal-Bażilika Ġorġjana.

Fost il-mistednin distinti kien hemm l-Onor Speaker Anton Tabone, Dr. Anton Refalo u s-sur Frederick Azzopardi, s-Sindku tal-Belt Victoria Robert Tabone, id-direttur spiritwali tal-Banda Mons Salv Borg, bosta soċji fi ħdan is-Soċjetà, mebri tal-kumitat, bandisti u familjari tagħhom u mistednin ħbieb tagħna.

Fl-aħħar ġew preżentati diversi donazzjonijiet fosthom żewġ kompożizzjonijiet mis-surmast Sunny Galea, u tnejn oħra minn Ġorġ Grech, President onorarju tas-Soċjetà , rigali li jkomplu jżejnu u jkabbru l-arkivju rikk tas-Soċjetà tagħna, l-eqdem waħda fi gżiritna.

Il-President Dr. Grech irreċiproka billi ippreżenta kopji tas-sett ta’ marċi ġodda fuq CD lil dawn il-mistednin.

ritratti: Manuel Grima