Join Us On:

News Archive

IFFIRMAT IL-ĠEMELLAĠĠ MA’ NICHELINO

Fl-okkażjoni tal-iffirmar ta’ ġemellaġġ bejn il-belt Victoria u l-belt ta’ Nichelino, il-bieraħ, il-banda ċittadina La Stella għamlet marċ brijuż minn Pjazza Sant Wistin sa Pjazza Indipendenza fejn saret iċ-ċerimonja tal-iffirmar. Numru kbir ta’ ċittadini min-Nichelino u diversi Rabtin, immexxija mis-sindki rispettivi, segwew lill-banda tagħna, li mxiet fuq quddiem. Il-banda daqqet numru ta’ marċi brijużi mis-sett tas-sena 2008. 

Il-marċ beda fi Pjazza Sant Wistin, fejn il-banda laqgħet lid-delegazzjoni Taljana u lis-sindku ta’ beltna bid-daqq tal-innu La Stella. Il-banda mbagħad bdiet timmarċja u daqqet numru sabiħ ta’ marċi li ntlaqgħu minn ċapċip kontinwu mill-persuni preżenti. Il-marċ għadda lejn Triq Vajrinġa, għal Triq Palma, Triq ir-Repubblika, quddiem il-każin La Stella, u ntemm fi Pjazza Indipendenza. Quddiem il-Banca Giuratale, imbagħad kompliet iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ġemellaġġ bejn iż-żewġt ibliet. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti wħud mill-ogħla awtoritajiet. Preżenti wkoll delegazzjoni mis-Soċ. Filar. La Stella, immexxija mill-president tas-Soċjeta’, l-avukat Joseph Grech. Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-presidenta tal-banda Giacomo Puccini ta’ Nichelino preżentat rigal ta’ tifkira lis-Soċjeta’ tagħna.

Intant, għada t-Tlieta 28 ta’ April, numru ta’ ċittadini mill-belt ta’ Nichelino flimkien mas-sindku u kunsilliera mill-istess belt ser ikunu mistiedna għal ikla fil-każin tas-Soċjeta’ La Stella. F’din l-okkażjoni ser jingħata spettaklu wkoll mill-grupp folkloristiku Astra. Fil-jiem li ġejjin ngħaddulkom aktar informazzjoni dwar din iż-żjara.