IŻ-ŻEWĠ PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-FESTA
Is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ matul is-sena tkun impenjata wkoll b’numru sabiħ ta’ pubblikazzjonijiet li jinkludu r-rivista uffiċjali tas-Soċjetà “ta’ l-iStilla”; il-kotba marbuta ma’ Festival Mediterranea u l-opra; u fuq kollox il-pubblikazzjonijiet marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ.
Għall-festa ta’ din is-sena s-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ ippubblikat żewġ kotba mill-aktar interessanti u ferm preżentabbli li ntlaqgħu tajjeb ħafna. Bla dubju kellna l-ktieb uffiċjali tal-festa, li joħroġ ta’ kull sena, u għall-ewwel darba kellna pubblikazzjoni ferm rikka mill-Għaqda ta’ l-Armar fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna. L-Għaqda ta’ l-Armar preżentat ktieb mill-isbaħ dwar l-armar tal-festa ta’ San Ġorġ, b’ħarsa dettaljata lejn l-istorja ta’ l-armar tal-festa u b’numru sabiħ ta’ ritratti kemm mill-passat kif ukoll mill-preżent. Din hija inizzjattiva li turi s-sensittività ta’ l-Għaqda ta’ l-Armar għall-patrimonju uniku li wirtet mingħand missirijietna. L-awtur ta’ dan il-ktieb huwa George Borg. Dan ix-xogħol li ġie kkordinat minn Manuel Attard, il-kaxxier ta’ l-Għaqda ta’ l-Armar, sar fuq disinn ta’ Michael Formosa. Ino Attard u George Borg Jr taw ukoll s-sehem tagħhom f’din il-biċċa xogħol importanti. Teżor importanti f’din il-pubblikazzjoni huma r-ritratti. Minbarra r-ritratti mill-kollezzjoni sabiħa ta’ ritratti ta’ l-awtur, ritratti oħra antiki inkisbu mill-arkivju tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u mingħand John Cremona. Fuq kollox ma jonqsux numru kbir ta’ ritratti ta’ tal-fotografu Joe Attard. Ix-xogħol ta’ l-istampa sar għand l-A&M printing Ltd tal-Qala u l-fili tal-kitba sar minn Frankie Mercieca. Dan il-ktieb intogħġob ħafna u mexa tajjeb ħafna b’mod speċjali mad-dilettanti Għawdxin u Maltin tal-festi lokali. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-każin ‘La Stella’ jew inkella mingħand membri fi ħdan l-Għaqda ta’ l-Armar għall-prezz ta’ € 20.
Bla dubju, ma naqasx ukoll li għall-festa ta’ din is-sena jiġi ppubblikat il-ktieb uffiċjali tal-festa bl-isem ‘Festi San Ġorġ 2008’ – ktieb li wasal fl-34 edizzjoni tiegħu. Għal darb’oħra ġie preżentat ktejjeb mill-aktar interessanti li kien jinkludi l-messaġġi ta’ l-ogħla awtoritajiet, artikli dwar il-patrun, artikli dwar diversi sezzjonijiet tas-Soċjetà ‘La Stella’ u l-ħidma tagħhom tul is-sena preċedenti, artikli dwar l-istorja u għalhekk ma naqsux artikli dwar il-ħamsin anniversarju tal-bażilika Ġorġjana, l-għaxar festa tar-radju komunitarju ‘Leħen il-belt Victoria’ u bla dubju l-erbgħin anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tat-teatru Astra. Din il-pubblikazzjoni kienet possibbli grazzi għal dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom permezz ta’ l-artikli u fuq kollox dawk il-persuni u l-aġenziji li għażlu li jirreklamaw magħna. Għar-raba’ sena konsekuttiva l-editur ta’ dan il-ktieb uffiċjali tal-festa kien George Apap. Id-disinn tal-faċċata sar minnu flimkien ma’ Richard Grech. Dawk li għal xi raġuni jew oħra ma kisbux kopja ta’ dan il-ktejjeb, jistgħu jiksbu kopja mill-każin ‘La Stella’ jew mill-bażilika ta’ San Ġorġ.
Intant l-bord li jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà, jinsab għaddej b’xogħol ieħor din id-darba, il-ħarġa t’Awwissu tar-rivista ‘ta’ l-iStilla’. Aktar ’il quddiem ngħaddulkom aktar tagħrif dwar din il-ħarġa, li bħas-soltu titqassam lill-parruċċani tal-belt Victoria mal-bulettin f’nofs Awwissu.
26/07/2008