Join Us On:

News Archive

ĠBIR TA’ DONAZZJONIJIET GĦALL-FESTA TA’ SAN ĠORĠ

DSC_0013

 Dawn il-ġranet, bħal fl-imgħoddi, is-Soċjetà Filarmonika La Stella, li hija uffiċjalment responsabbli mill-organizzazzjoni tal-festi esterni tal-Patrun tagħna u ta’ Għawdex San Ġorġ, bdiet il-ħidma tagħha permezz ta’ diversi membri fil-kumitati  tagħha  biex jinġabru l-kontribuzzjonijiet tal-partitarji sabiex ikollna festi esterni dinjitużi.

Inħeġġukom tkunu ġenerużi fl-għotjiet tagħkom. Kulħadd joffri dak li jista’, iżda ma nkunux xħaħ għax l-ispejjeż kibru ferm. Innotajna li kemm ilna li qlibna għall-munita Ewro, il-kontribuzzjonijiet naqsu drastikament, waqt li mill-banda l-oħra l-ispejjeż kibru b’mod fenominali. Min fl-imgħoddi kien joffri Lm20, illum ma jistax joffri €20, għax inkella jkun qed joffri biss Lm8.60. Dawk li s-soltu joffru Lm50 u llum joffru €50 jkunu qed joffru biss Lm21.27, waqt li dawk li s-soltu joffru Lm100 u minflok joffru €100 ikunu qed joffrulna biss Lm42.93. Taraw x’differenza kbira ssir jekk wieħed jimxi b’dan il-kejl! Kulħadd ikun qed joffri ferm inqas minnofs tal-imgħoddi. U dan sfortunatament sena wara sena qed ikollna nġarrbuh.

Illum il-ġurnata m’aħniex f’pożizzjoni li s-Soċjetà Filarmonika La Stella tibqa’ tagħmel tajjeb għad-deficit tal-Festa li ħafna drabi qed jissorprendina għall-aħħar. Jeħtieġ li għall-Festa jikkontribwixxi kulħadd. Kull laqxa tirfed l-imramma, iżda llum il-ġurnata l-imramma tagħna teħtieġ rifda sewwa. Tridu tkunu intom ġenerużi magħna jew aħjar magħkom infuskom. Ngħid “magħkom infuskom” għax il-Festa hija ta’ kull wieħed u waħda minna. Kull familja Ġorġjana għandha tħoss li tgħaddi s-sehem tagħha, kbir jew żgħir, skont il-pożizzjoni finanzjarja tagħha. L-importanti hu li ngħaddu lkoll is-sehem ġust tagħna.

Hija ħasra tara daqstant entużjażmu fil-Festa meta mbagħad tinnota li l-kontribuzzjonijiet individwali ta’ xi wħud iħallulek togħma morra. Ejjew ilkoll ngħinu u nikkontribwixxu kemm nistgħu. Jalla xi wħud ma jiskartawx lil min ikun qed jiġbor. Biex nikkontribwixxu mhemmx għalfejn nintalbu nagħmlu dan. Għandna nfittxu aħna stess li ngħaddu l-offerti tagħna lill-membri li qed jiġbru. Il-pampaluni tal-Festa għandhom ikunu wkoll pampaluni fl-offerti tagħhom!

Il-Festa hija tagħna lkoll. Mela ejjew ilkoll nagħtu s-sehem tagħna b’mod dinjituż iżda ovvjament skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull wieħed u waħda minna. L-importanti li ma tiġix il-Festa u għaliha ma nkunux offrejna dak kollu possibbli.

Nawgura li bil-ġenerożità tagħkom ilkoll ikollna festi esterni tabilħaqq dinjitużi.

Paul M. Cassar
President
Soċjetà Filarmonika La Stella