GĦADA R-REKORDING TAL-MARĊI BRIJUŻI
Wara li ġimgħa ilu, ġiet imfakkra l-festa liturġika ta’ San Ġorġ, bis-sehem anke tal-banda La Stella, aktar ma jgħaddu ġranet aktar qed inkomplu noqorbu lejn il-festi kbar f’ġieħ il-Patrun t’Għawdex, iċċelebrati f’Lulju fi gżiritna. Għaldaqstant kull sezzjoni fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna, responsabbli mill-festi esterni, għaddejja b’ritmu mgħaġġel fil-preparamenti kollha meħtieġa li jwassluna għal dawn il-jiem ta’ festa f’Lulju.
Il-banda min-naħa tagħha, f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet għaddejja bit-tħejjija tagħha fuq is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi li fil-fatt ser jiġu rrekordjati għada s-Sibt fuq il-palk tat-teatru. Ġie deċiż li din is-sena dawn jiġu rrekordjati aktar kmieni mis-soltu bil-għan li jkun hemm aktar żmien disponibbli biex is-CD il-ġdid jinbiegħ u anke minħabba l-fatt li mill-aħħar weekend ta’ Mejju l-banda tibda bl-impenji numerużi tagħha fl-istaġun tal-festi u anke servizzi oħra.
Intant illejla l-banda, dejjem taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha, il-Prof. Joseph Vella, ser tagħmel il-kunċert ġenerali tagħha, qabel jiġu rrekordjati għada. Is-sett il-ġdid ta’ marċi li dwaru nitkellmu aktar ‘il quddiem jinkludi numru ta’ kompożizzjonijiet ġodda kif ukoll uħud li ġew maħruġa mill-arkivju tas-Soċjeta’.
Aktar dettalji fil-jiem li ġejjin.