Join Us On:

News Archive

GĦADA L-KUNĊERT ANNWALI TANT MISTENNI

L-Overture 1812 tal-kompożitur Russu Peter Ilych Tchaikovsky flimkien mal-kompożizzjoni tiegħu Marcia Slava se jkunu l-attrazzjonijiet ewlenin fil-kunċert annwali tal-Banda Filarmonika La Stella (imwaqqfa fl-1863), li se jsir fit-Teatru Astra għada
21 ta’ Novembru.







Il-kunċert jinkludi selezzjoni wiesa’ ta’ xogħlijiet mużikali li jvarjaw minn dawk popolari sal-klassiku u l-opra.

 

L-overture kolossali tal-kompożitur Russu ndaqqet b’suċċess kbir f’April li għadda, waqt il-kunċert annwali li l-Banda Filarmonika La Stella torganizza fil-jum liturgiku ta’ San Ġorġ fit-23 t’April, biex tiċċelebra l-festa tal-qaddis patrun t’Għawdex. Dan ix-xogħol mill-iktar impenjattiv u mimli sfidi għal banda filarmonika se jerga’ jindaqq biex jagħlaq dan il-kunċert ewlieni, din id-darba flimkien mal-Marcia Slava, li hi xi ħaġa rari ħafna li f’kunċert wieħed jindaqqu dawn iż-żewg xogħlijiet tal-istess kompożitur.

 

Il-programm għal dan il-kunċert ta’







għada, jinkludi wkoll Fortuna Imperatrix Mundi mill-Carmina Burana ta’ Carl Orff, il-valz popolari ta’ Emile Waldteufel Estudiantina, selezzjoni mill-opra I Pescatori di Perle ta’ Georges Bizet u tribut speċjali lill-ikbar leggenda tal-muzika Pop Michael Jackson, b’arrangament tal-iktar xogħol magħruf tiegħu Thriller.






 

Il-Banda Filarmonika La Stella se tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Mro. Joseph Vella, li hu s-surmast residenti tagħha u tat-Teatru Astra. Id-dħul għal dan il-kunċert, li jibda fis-7.30pm, hu b’xejn għal kulħadd.

 

Din l-attivita’ ġġib fi tmiemha t-tminn edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, li fetaħ nhar it-23 t’Ottubru, u li kien jinkludi r-rappreżentazzjoni doppja tal-opra Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi, diversi kunċerti, ikel u nbid, spettaklu ta’ żfin, kif ukoll żjarat f’siti ta’ importanza storika jew arkeologika f’Malta u f’Għawdex, immexxija minn Dr David Trump.

 

Il-festival hu organiżżat mit-Teatru Astra bil-kollaborazzjoni tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, Air Malta, Heritage Malta, Vodafone Foundation u Bank of Valletta.