Join Us On:

News Archive

FESTA TAN-NAR!

Mill-għada tal-festa ta’ San Ġorġ tas-sena li għaddiet, l-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’, meddet għonqha mill-ewwel għax-xogħol sabiex hi ukoll tagħti s-sehem denju tagħha fil-festa ta’ San Ġorġ, din is-sena, aktar minn snin oħra, meta ninsabu fis-sena ċinkwantenarja f’għeluq il-50 sena minn meta l-Venerabbli Papa Piju XII għolla lill-knisja proto-parrokkjali ta’ l-Għawdxin għad-dinjità ta’ bażilika, liema gieħ, jikkonferma l-merti tagħha bħala omm il-parroċċi kollha tad-djoċesi.

Ta’ min isemmi li l-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri kienet impenjata sew matul din is-sena. L-għaqda tat is-sehem tagħha fiċ-ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr fi tmiem l-arċipretura ta’ Mons. Dr Ġużeppi Farrugia lejn tmiem Ottubru li għadda, u ġimgħa wara, eżattament fl-ewwel Ħadd ta’ Novembru 2007 tat is-sehem tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tal-pussess ta’ l-arċipriet il-ġdid tal-parroċċa Ġorġjana, Mons. Pawlu Cardona. F’April li għadda, l-Għaqda tan-Nar sellmet lil San Ġorġ, il-patrun tad-djoċesi u tal-belt Viċtoria, fis-solennità liturġika tiegħu.

Issa li ninsabu fil-qofol tal-preparamenti għall-festa l-kbira t’Għawdex, l-Għaqda tan-Nar, iffurmata minn grupp ta’ persuni li jaraw fl-arti tal-piroteknika element importanti fil-festa prinċipali ta’ gżiritna, qed tippreżenta programm ta’ spettaklu pirotekniku li jinkuruna sena ta’ ħidma intensa mill-membri ta’ dan is-sotto-kumitat fi ħdan is-Soċjetà. Il-programm dettaljat ta’ dan l-ispettaklu ta’ nar ta’ l-ajru matul il-ġimgħa kollha tal-festa u nar ta’ l-art fi tliet okkażjonijiet oħra (Il-Ħamis u l-Ġimgħa fi Pjazza Savina u s-Sibt fi Pjazza San Franġisk), se jiġi ppublikat fuq dan is-sit elettroniku aktar ’il quddiem matul din il-ġimgħa.

Matul dawn il-jiem, grupp ta’ żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda tan-Nar, ħadu ħsieb li huma wkoll jaħsdu dak li żergħu matul dawn l-aħħar xhur. Kif kulħadd jista’ jinnota, il-post minn fejn isir l-ispettaklu pirotekniku fil-festa ta’ San Ġorġ, magħruf bħala “L-Għolja Ta’ Gelmus”, ġie armat kif jixraq għall-jiem kbar ta’ Lulju. Ġiet imżanżna x-xbieha ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel tixgħel b’sistema elettrika, ikkumplimentata minn żewġ arbli ġodda bil-bnadar Ġorġjani: bandiera bajda bis-salib aħmar ta’ Kristu rebbieħ, u l-bandiera Maltija bajda u ħamra bix-xbieha glorjuża ta’ San Ġorġ ġo salib fuq l-isfond l-abjad, ir-rigal distint tar-Re Ġorġ VI lill-poplu Malti u Għawdxi. Bħas-snin l-imgħoddija ġiet armata wkoll l-iskrizzjoni “VIVA SAN ĠORĠ” tixgħel b’sistema elettrika.

Bla dubju ta’ xejn, kienet sena ta’ ħidma kbira fi ħdan l-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri. Kienet sena li ġabet magħha sfidi, dedikazzjoni, sagrifiċċji, sodisfazzjon, u fuq kollox, imħabba li biha, il-membri ta’ l-Għaqda tan-Nar, bħal kull Ġorġjan ieħor fid-demm u fl-identità, jgħożż lill-protettur ta’ gżiritna, San Ġorġ Megalomartri, il-patrun tad-djoċesi u tal-belt Victoria.