FESTA TA’ SAN MIKIEL ARKANĠLU
Illum 29 ta’ Settembru taħbat il-festa liturġika u parrokkjali tal-Arkanġlu San Mikiel. Fil-Bażilika ta’ San Ġorġ din il-festa ġiet iċċelebrata permezz ta’ tlett ijiem ta’ Tridu bejn it-Tnejn 26, u l-bieraħ, l-Erbgħa, 28 ta’ Settembru. Il-priedki tat-Tridu saru minn Dun Geoffrey George Attard. Il-lejla, fis-7.00 se ssir ukoll konċelebrazzjoni konventwali.
L-istatwa kapolavur ta’ San Mikiel, li hija xogħol ta’ Xandru Farrugia fl-injam (1838) bħalissa hija esposta fil-korsija tal-Bażilika għal qima tad-devoti. Huma ħafna li jqisu din l-istatwa bħala waħda mill-isbaħ skulturi li għandna. L-iskultur Xandru Farrugia ġol-Bażilika ta’ San Ġorġ għandu wkoll il-korp ta’ Kristu mejjet, jew kif magħruf "il-monument", xoghol fl-injam tal-1844.
Tkun ħaġa sabiħa ħafna li nqaddsu dan il-jum għażiż b’quddiesa u tqarbina.