FESTA TA’ SAN LAWRENZ
Illejla l-Banda Ċittadina La Stella se tagħmel l-aħħar servizz fil-festi tas-sajf tal-2017. Is-servizz jikkonsisti f’marċ minn Triq il-Ġebla tal-Ġeneral u daqq tal-Innu l-Kbir u programm fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Il-banda se tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-parruċċani ta’ San Lawrenz fil-festa tagħhom. Il-Banda Ċittadina La Stella ilha tmur tagħmel dan is-servizz għal ħafna snin u huwa ta’ pjaċir għalina li nagħtu s-sehem tagħna. Viva San Lawrenz !
Wara bidu ferm impenjattiv fil-festi tas-sajf, il-banda tagħna issa jkollha ftit ġimgħat ta’ mistrieħ biex f’Settembru jibdew it-tħejjijiet għall-attivitajiet tax-xitwa. Naturalment, is-Soċjetà Filarmonika La Stella ma tikkonsistix fil-banda biss u allura l-attività fi ħdanha tkompli sejra anke matul is-sajf fl-oqsma l-oħra, fosthom ix-xogħol fuq l-opra ta’ Ottubru Lucia di Lammermoor, li issa tidħol f’fażi aktar intensiva, u l-attivitajiet marbuta ma’ Festival Medierranea.