Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ ARMAR!

M’hemmx dubju li element ieħor li jpoġġi lill-festa ta’ San Ġorġ fuq quddiem nett f’pajjiżna huwa l-armar lussuż li jżejjen lil beltna tul dawn il-jiem ta’ Lulju. Din is-sena beltna ser terġa’ tilbes l-isbaħ libsa grazzi għall-ħidma kbira mill-grupp tal-armar tas-Soċjetà tagħna. Ma’ l-armar grandjuż li diġa’ kellna din is-sena bħal snin oħra ser nerġgħu nżidu!

Fost il-proġetti l-ġodda li ser jiżżanżnu din is-sena għandna statwa ġdida ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex: Statwa li fiha tliet persunaġġi – San Ġorġ fuq id-dragun bil-lanza u bandiera b’salib fuqha, li jissimbolizza r-rebħa ta’ Kristu fuq l-għadu tal-fidi. Il-persunaġġi l-oħra huma figura ta’ mara, li simbolikament tirraffigura l-patrunaġġ ta’ San Ġorġ fuq l-gżira tat-tliet għoljiet. Il-Gvernatur De Cordoba, kavallier benefattur tal-Knisja Proto-Parrokkjali ta’ gżiritna, li fost l-oħrajn bena t-tempju ddedikat lil San Ġorġ u żejnu bil-pittura ta’ Preti ser ikun it-tielet figura f’din il-kompożizzjoni statwarja. Din hi biċċa xogħol ta’ l-istatwarji Għawdxin Michael u ibnu Adonai Camilleri Cauchi. Għal din is-sena ġie rranġat il-pedestall l-antik ta’ San Ġorġ taż-żiemel, biex fuqu tittella’ l-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex, xogħol li sar minn Raymond Farrugia, mgħejjun minn Ino Attard u Ġorġ Vassallo. Emmanuel John Farrugia u Donald Micallef ħadmu bażi għal taħt il-pedestall. L-istatwa fuq il-pedestall ser tintrama fi Pjazza Savina.

Minbarra din l-istatwa ġdida, għal din is-sena ser jiżżanżnu sett ġdid ta’ pavaljuni tad-drapp għal Triq Palma, b’disinn elaborat ta’ Joseph Cauchi membru ta’ l-għaqda fuq ħjata ta’ Victor Said. Dan is-sett ċertament ser jagħti libsa li ssebbaħ waħda mit-triqat storiċi marbuta mal-parroċċa ta’ San Ġorġ, li minnha jgħaddu l-aktar marċijiet importanti u fuq kollox l-eqdem purċissjoni ta’ beltna. Triq oħra fil-qalba ta’ beltna, Triq Karità, din is-sena ukoll ħa tixgħel mill-ġdid, u fiha ser jiżżanżnu sett ta’ 7 pavaljuni tad-dawl li nħadmu minn Raymond Farrugia, Manuel Attard, Josef Camilleri, Michel Buttigieg u Ġorġ Vassallo, fuq disinn ta’ l-artist Rabti Joseph Cauchi.

Fi Pjazza Indipendenza ser naraw l-ewwel erba’ pitturi għal fuq il-bandalori lussużi li jdawru dan il-misraħ kompluti. Fl-ewwel erba’ pitturi li saru minn Joseph Cauchi, ser naraw il-persunaġġi ta’: Santa Briġida ta’ l-Isvezja, San Girgor ta’ Tours, San Ġustinjanu I u Matilda ta’ Canossa. Imbagħad fi Pjazza San Ġorġ tkompla x-xogħol fuq id-dekorazzjoni tal-pedistalli ta’ l-istatwi ta’ Ġeronzju u Polikronja u l-iskultura fl-injam tal-pedestall ta’ San Ġorġ taż-żiemel minn Renzo Gauci.

L-għaqda ta’ l-Armar minbarra li qed tintroduċi numru sabiħ ta’ proġetti ġodda, din is-sena ħadmet u għamlet xogħol ta’ restawr fuq numru ieħor ta’ proġetti. Fost dawn ġiet restawrata l-istatwa ta’ San Ġorġ li tittella’ Pjazza San Franġisk. Ir-restawr intensiv sar minn Austin Camilleri li hu l-awtur tagħha. L-induratura bid-deheb saret minn Karmenu Farrugia. F’ dan il-kuntest sar ukoll restawr ta’ statwa ta’ anġlu li jintrema fi Pjazza San Franġisk minn Ġorġ Mizzi. Proġett ieħor ta’ restawr li sar din is-sena kien ix-xogħol fuq l-għaxar pedestalli antiki ta’ l-anġli ta’ Wistin Camilleri li jintramaw fi Pjazza San Franġisk. Saret tiswija estensiva ħafna li kienet tinvolvi tibdil ta’ gwarniċi u z-zokkli. Dan il-proġett tmexxa mill-President ħabrieki ta’ l-Għaqda ta’ l-Armar, is-sur Raymond Farrugia, mgħejjun minn Raymond Mizzi, Manuel Attard, Ġorġ Vassallo u Ino Attard. L-induratura saret minn Karmenu Farrugia u Josef Camilleri.

Fl-aħħar u mhux l-inqas fl-okkażjoni tal-festi ċinkwantenarji li qed niċċelebraw din is-sena, l-għaqda ta’ l-armar ħasbet li tippubblika ktieb dwar l-armar fil-festa Ġorġjana, li żgur kull dilettant tal-festi għandu jkollu fil-librerija tiegħu. Dan kien proġett ambizzjuż ħafna, li x-xogħol fuqu ilu għaddej diversi xhur. Il-ktieb inkiteb minn George Borg, iżda kien hemm ħafna aktar persuni li taw il-kontribut siewi tagħhom biex dan il-ktieb seta’ jiġi ppubblikat. Fost dawn insibu lil Manuel Attard, Ino Attard, u lil George Borg Jr, iben l-awtur. Id-disinn tal-faċċata sar minn Michael Formosa. Minbarra r-ritratti mill-kollezzjoni sabiħa ta’ ritratti ta’ l-awtur, ritratti oħra antiki inkisbu mill-arkivju tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u mingħand John Cremona. Ix-xogħol ta’ l-istampa sar għand l-A&M printing Ltd tal-Qala u l-fili tal-kitba sar minn Frankie Mercieca.

L-Għaqda ta’ l-Armar taf is-suċċessi tagħha lill-kumitat u l-membri ħabrieka tagħha u lill-entitajiet u persuni oħrajn li matul is-sena isostnuha. Għalhekk l-Għaqda ta’ l-Armar tħoss li għandha tirringrazzja lill-kumitat ċentrali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sindku tal-Belt Victoria, is-Sur Robert Tabone u l-membri tal-Kunsill, GFS ta’ l-Orjenti, Tonio Ellis ta’ A. F. Ellis (Home Décor) Ltd, Pascal Woodworks, G & M Woodworks, FXB, General Soft Drinks, Marco Attard u Tony Aquilina (UDS), Jason Farrugia (taż-Żombor), Tony Buttigieg, Joe Attard, Toni Mercieca u Joseph Mercieca – Astra Bar, Mark Schembri Ta’ Ġolina Supermaket, Sammy Rapa Ta’ Salvina Supermarket, Forestals, u Lorry Fenech – Ġelati Granola.