FESTA LITURĠIKA U PARROKKJALI TA’ SAN MIKIEL
Nhar il-Tnejn 29 ta’ Settembru taħbat il-festa liturġika u parrokkjali tal-Arkanġlu San Mikiel. Fil-Bażilika ta’ San Ġorġ sabet postha l-istatwa kapolavur ta’ San Mikiel, li hija xogħol ta’ Xandru Farrugia fl-injam (1838). Huma ħafna li jqisu din l-istatwa bħala waħda mill-isbaħ skulturi li għandna. L-iskultur Xandru Farrugia ġol-Bażilika ta’ San Ġorġ għandu wkoll il-korp ta’ Kristu mejjet, jew kif magħruf “il-monument”, xogħol fl-injam tal-1844. Tkun ħaġa sabiħa ħafna li nqaddsu dan il-jum għażiż b’quddiesa u tqarbina fil-Bażilika ta’San Ġorġ fejn qed tiġi ċċelebrata din il-festa parrokkjali.
Intant nhar il-Ġimgħa li għadda saret l-ikla tradizzjonali ta’ San Mikiel fi Pjazza San Ġorġ organizzata mill-Għaqda tal-Armar ta’ San Ġorġ u fid-dar Leħen il-Belt Victoria fl-istess pjazza, fis-sala t’isfel, qed issir wirja dwar statwi u pittura ta’ San Mikiel organizzata mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.